‘Kurrikulu ġdid tas-saħħa sesswali għandu jsir obbligatorju fl-iskejjel' - Thomas ‘Kassandra’ Mallia

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Thomas “Kassandra” Mallia, kandidata ġdida għall-Partit Volt Malta fl-10 u l-11-il distrett.

 

Thomas Kassandra Mallia
Thomas Kassandra Mallia

L-ILLUM diġà tkellmet ma’ żewġ kandidati tal-partiti meqjusa ‘l-kbar’, Rebekah Cilia għal Partit Nazzjonalista u Rominda Baldacchino Zarb għal Partit Laburista. Kien imiss issa li l-ILLUM titkellem ma’ Thomas “Kassandra” Mallia, illi hija l-Viċi President u kandidata elettorali għal Volt Malta fuq l-10 u l-11-il distrett. Hija taħdem bħala kittieba.

Kassandra dwar l-edukazzjoni sesswali: ‘Riforma totali li tibda tinbena bil-mod’

Thomas “Kassandra” Mallia hija l-ewwel mara trans f’din l-elezzjoni ġenerali. Dan ifisser li tidentifika mal-ġeneru femminili u qegħda fil-proċess tat-tranżizzjoni. Dan il-proċess jinvolvi tibdil fil-karatteristiċi fiżiċi sabiex il-persuna aktar tikkorrispondi mal-ġeneru li tidentifika miegħu. Dan ħafna drabi jinkludi li tieħu ormoni biex irażżnu il-karatteristiċi fiżiċi tal-ġeneru assenjajt lilha fit-twelid. L-esperjenza politika tagħha hija waħda unika u huwa għalhekk li l-gazzetta ILLUM iltaqat ma’ Mallia.

Intant, l-iktar fattur interessanti li ħareġ kien propju l-edukazzjoni sesswali, u għalhekk il-gazzetta ILLUM staqsietha: “Volt Malta xi jbiddel fil-qasam tal-edukazzjoni sesswali?” Żewġ kelmiet ħarġu minn fomm Kassandra, “riforma totali.”

Hija spjegat kif Volt jemmen fil-bżonn li l-individwi jkollhom informazzjoni korretta biex tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati għall-benessri tagħhom. Eżempju fil-każ ta’ persuna transesswali li tixtieq tagħmel it-trażizzjoni, tkun tista’ tagħmel dan bla ebda biża’ u preġudizzju min-nies ta’ madwarha.

Kompliet tispjega kif Volt jixtiequ li jiġi żviluppat kurrikulu tas-saħħa u drittijiet tas-saħħa sesswali inklużivi. Dan il-kurrikulu jiġi mgħallem b’mod obbligatorju għall-istituzzjonijiet edukattivi kollha f’Malta u Għawdex.

Għalkemm dan hu pass kbir u jaf ikun xokkanti għal bosta, “irid jibda’ jinbena bil-mod.”

‘Ma nippromovux l-abort imma nippromovu li jkollok l-għażla’

Mistoqsija mill-ILLUM dwar l-ideoloġija ta’ Volt fuq l-abort, Kassandra tgħid li Volt huma favur l-għażla. Iċċarat kif ħafna huma żbaljati meta jgħidu li Volt qed jippromovu l-abort għax “aħna naqblu biss li għandna tkun l-għażla ta’ kull min tkun.”

‘Li l-prostituzzjoni tibqa’ deregolata bħal ma hi, qed tinkoraġġixxi aktar abbuż’

Il-prostituzzjoni huwa suġġett kontroversjali ieħor li tfaċċa fuq l-aġenda tal-Parlament sa sena ilu, iżda donnu intesa’. Mallia qalet mal-ILLUM li għal Volt, il-prostituzzjoni hu xogħol daqs kull xogħol ieħor.

Għaldaqstant hija kompliet tgħid li l-fatt li l-prostituzzjoni fil-pajjiż hija deregolata – u allura ma hemm ebda qafas legali li jkopriha – qed jinkoraġġixxi l-abbuż. Dan għaliex għalkemm mhux illegali, kollox isir bil-moħbi. 

Il-gazzetta għafset pero’ fuq il-fatt li numru ta’ NGOs jgħidu li l-maġġoranza tal-prostituti f’Malta, huma vittmi sfurzati jaħdmu f’dan ix-xogħol, u għalhekk staqsiet f’dak il-każ it-tort min jieħdu? Min jixtri s-servizz jew min iħaddem lil dawn il-vittmi?

Hija rrispondiet li, “jekk hemm l-abbuż, it-tort huwa ta’ min għamel l-abbuż, imma jekk għandek prostituta li l-klijent tagħha ħallas u li min iħaddimha ħallasha kif kien miftiehem u kollox qiegħed isir tajjeb, m’għandu jeħel ħadd.”

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, kelliema għal Dar Hosea - għaqda non-governattiva li tgħin lill-vittmi tal-prostituzzjoni – kienet kwotat statistika mill-Assoċjazzjoni tal-Ugwaljanza f’Malta illi turi li 99% tal-prostituti f’Malta huma nisa filwaqt li l-maġġoranza tagħhom huma sfurzati fil-prostituzzjoni. Dan ifisser li jekk tgħaddi liġi kif irid il-Partit Volt, skont Dar Hosea, “ din se tkun taqdi l-minoranza u tinjora l-maġġoranza.” Il-vittmi li jagħmlu kuntatt mad-Dar Hosea jirrakontaw abbuż kontinwu, vjolenza kbira u ambjent tossiku, tant li Dar Hosea tinżamm moħbija minn ħafna.

Kassandra dwar l-ambjent u t-trasport: ‘Iktar milli trasport alternattiv, niffukaw fuq trasport eżistenti imma li jintuża inqas, bħal eletric scooter, mixi u r-rota.’ 

Induru issa fuq it-trasport. Il-gazzetta staqsiet lil Mallia għall-opinjoni tagħha dwar iż-żewġ proposti sa issa. Dik tal-metro, proposta mill-Gvern Laburista ftit xhur ilu u dik tat-tramm, proposta mill-Partit Nazzjonalista waqt din il-kampanja. Hija mal-ewwel uriet li ma taqbilx mat-tnejn u dan għax għadha ma ratx l-istudji warajhom.

“Iktar milli trasport alternattiv, missna niffukaw fuq trasport eżistenti imma li jintuża inqas,” sostniet Mallia. Bħala eżempji semmiet ir-rota, l-electric scooter u l-mixi. Mistoqsija għaliex ma semmietx tal-linja, speċjalment wara l-miżura ta’ trasport b’xejn, hija stqarret li mhux se tikkritika l-miżura nnifisha għax hija miżura tajba, speċjalment għax temmen illi t-trasport huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Iżda Mallia tistaqsi x’jiswa’ li tagħmel tal-linja b’xejn mingħajr ma toħloq infastruttura tajba għaliha. “Tal-linja xorta ħadd mhu se jużaha hekk.”

 Fil-fatt hija stqarret li tippreferi jekk l-infrastruttura eżistenti u dik ġdida titranġa b’mod li nipprijoritizzaw trasport ieħor bħal rota u b’hekk “naħsbu biex nwarrbu mill-kultura tal-karozzi.”

‘Għawdex għandu jkun sostennibli u kompetittiv waħdu’

Il-gazzetta ILLUM staqsietha imbagħad dwar l-opinjoni tagħha dwar il-mina bejn Malta u Għawdex. Hija wieġbet li l-opinjoni tagħha u ta’ Volt hija li “nwaqqfu l-pjanijiet kollha biex naraw l-investigazzjonijiet u l-istudji li veru saru u dawk li le.” 

Fil-verità Volt jemmen li għalkemm il-konnetività bejn iż-żewġ gżejjer hija importanti, hi ta’ iktar importanza li l-gżira Għawdxija tkun sostennibli u kompetittiva waħedha. Dan ifisser li fejn hemm iċ-ċans l-Għawdxin jibqgħu Għawdex meta jiġu biex jaħdmu jew jieħdu xi servizzi, minflok kull darba jinżlu Malta.

“Il-ħsieb tagħna hu li n-negozji kemm jista’ jkun ninċentivawhom biex joperaw minn Għawdex ukoll u mhux Malta biss,” sostniet Mallia.

Għal darba oħra, Mallia ġabet eżempju bil-Genitourinary Clinic (GU) f’Għawdex li skont hi tiftaħ darbtejn fil-ġimgħa. Thomas “Kassandra” Mallia spjegat li Volt jaħdem biex tiżdied il-frekwenza li biha n-nies jistgħu jżuru l-klinika GU f'Għawdex. “Darba wara nofsinhar kull ġimagħtejn mhix biżżejjed. Bħala minimu, għandu jkun hemm ġurnata sħiħa ta' disponibbiltà fil-ġimgħa u mbagħad tiżdied għal aktar,” temmet tgħid.

More in Elezzjoni 2022