'Illum kulħadd jirrikonoxxi li bil-Wage Supplement salvjana lin-negozji u l-impjiegi'

Il-PM jgħid li Gvern Laburista ma jipposponix l-għajnuna lin-nies u jekk kien hemm bżonn l-għajnuna issa, għalhekk għaddieha issa...

Robert Abela (Ritratt tal-Partit Laburista)
Robert Abela (Ritratt tal-Partit Laburista)

Meta kien qed jitkellem f'San Pawl il-Baħar il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-aktar deċiżjoni diffiċli li kellu jieħu bħala PM hija li jagħlaq l-ajruport - meta l-pajjiż, bħad-dinja, kien iffaċċjat bil-pandemija fl-2020 u l-ivvjaġġar internazzjonali prattikament waqaf għal kollox. Huwa qal li din kienet deċiżjoni li jfakkar illi kellha impatt fit-tul.

Għalhekk fakkar fl-iskema tal-vouchers ta' €100 li ħarġet għal darba, darbtejn u fakkar li minkejja li ma kienx hemm elezzjoni xorta ħariġhom il-vouchers il-Gvern. Fakkar ukoll illi l-Gvern estenda l-Wage Supplement, li "illum kulħadd jirrikonoxxi li kienet l-aqwa għodda biex salvajna n-negozji u l-impjiegi u għandna fost l-inqas rata ta' qgħad fl-istorja. Meta tajna l-vouchers ridna nistimulaw il-konsum u fil-manifest għandna diversi proposti wkoll b'dan l-istess għan." 

Negozjant fil-qasam tal-catering - Tiziano Cassar -  li kien preżenti faħħar lill-Gvern u l-inċentivi li ħa f'nofs pandemija tal-Covid-19, fosthom il-Wage Supplement, għajnuna fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll għajnuna fuq ħlasijiet tal-kirja. Dan in-negozjant faħħar ukoll numru ta' inizzjattivi fil-qasam tax-xogħol, fosthom inċentivi li jgħinu aktar nisa minn 40 sena 'l fuq jidħlu fid-dinja tax-xogħol. 

Huwa kien qed jirreferi għall-miżura li permezz tagħha l-Gvern iħallas sa 30% lura fuq il-paga - sa massimu ta' €6,000 - lil dawk li jimpjegaw nisa 'l fuq minn 40 sena u li kienu inattivi fis-suq tax-xogħol. 

Intant Abela qal li kien hemm min ibassar li l-ekonomija tal-pajjiż se tieħu snin biex tirkupra. "Minflok qatt ma qtajna qalbna u llum il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li dik ta' Malta se tkun fost l-aktar ekonomija li tikber fis-snin li ġejjin." 

Kien hawn li huwa dar fuq it-turiżmu u l-lokalità fejn kien - San Pawl il-Baħar - u qal li l-proġett tal-Pjazza ta' Buġibba u r-riġenerazzjoni tagħha se tkun prijorità għall-Gvern, jekk il-Partit Laburista jkun elett mill-ġdid. Kif elenka wegħdi oħrajn, fosthom traħħis tat-taxxa lil dawk li joperaw stabbilimenti ta' akkomodazzjoni turistika, permezz ta' krediti ta' taxxa li jkunu jlaħħaqu it-30% tal-ispiża fuq dak ir-rinovar. 

'Iċ-ċekkijiet bgħatnihom issa għax issa għandhom bżonnhom in-nies'

Dwar iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-Taxxa u ċ-ċekk addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, Abela qal illi "minkejja li l-Kap tal-PN qed jgħid li dawn nuqqas ta' governanza, aħna ma nagħmlux bħall-PN, nipposponu. Jekk l-għajnuna kellha tingħata issa lin-nies, mela tajniha issa."

"Meta nitkellmu fuq il-pensjonijiet, fl-2017 tajna l-kelma li se nżidu l-pensjonijiet u meta ġejna biex nimplimentaw tajna saħansitra aktar minn dak li konna wegħdna," qal il-Mexxej Laburista. Huwa fakkar li l-Gvern qed iwiegħed li se jiżdiedu l-mediċini fil-formolarju tiegħu. Huwa fakkar fl-għotja lill-anzjani li jibqgħu jgħixu d-dar u jkollhom aktar minn 75 sena, se terġa tiżdied b'€200. 

Fakkar ukoll fiż-żieda fl-għotja lil carers li jieħdu ħsieb lil persuni b'diżabilità. Abela elenka diversi miżuri u wegħdi li qed jagħmel il-PL fosthom dawk li jolqtu lin-nies bid-dimensja b'terapija speċjalizzata fid-djar u ċentri ta' matul il-jum biex pazjenti bid-dimensja jibqgħu kemm jista' jkun fil-komunità. 

"Magħna taf li jekk qed inwegħdu li ssir miżura dik il-miżura titwettaq," qal Abela. 

More in Elezzjoni 2022