Assigurazzjoni privata, Arja kkundizzjonata fil-klassijiet u memberships tal-gym ... proposti tal-unjins

Din il-ġimgħa l-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aktar proposti li spikkaw, minn żewġ unjins li jirrappreżentaw uħud mill-aktar ħaddiema importanti tal-pajjiż, l-għalliema u l-pulizija …  

X’qed tipproponi l-Unjin tal-Pulizija (MPU)?  

Proposti li jolqtu l-but tal-pulizija   

  • Assigurazzjoni privata tal-ħajja u s-saħħa. L-MPU tgħid li l-Uffiċjali qed ikollhom iħallsu aktar għall-assigurazzjoni tagħhom. L-MPU tgħid ukoll li uħud mill-uffiċjali qed isibu diffikultà anke meta jiġu biex jieħdu self għal proprjetà, għaliex huma kkunsidrati bħala riskju għoli.  
  • L-uffiċjali kollha li jaħdmu l-Ħdud (kemm jekk jaħdmu bir-roster kif ukoll jekk jiġu mgħajta biex jidħlu x-xogħol) għandhom jitħallsu b’rata doppja.  
  • Sussidju annwali għal membership tal-gym, li ma jaqbiżx il-massimu ta’ €120. Dan għandu jingħata lill-uffiċjali tal-Korp li jattendu l-gym jew attività sportiva ekwivalenti.  

Proposti li jtejjbu s-servizz 

  • Introduzzjoni għal kompjuter f’kull vettura tal-pulizija biex b’hekk il-pubbliku jkun jista’ jagħmel ir-rapport fuq il-post. Apparti minn hekk l-MPU tgħid li l-pulizija jkollhom l-aċċess għan-notifiki l-ħin kollu. 
  • L-MPU tipproponi li membri tal-Korp jingħataw scholarship annwali biex dawn ikunu jistgħu jattendu kors fuq bażi full-time fl-Università ta’ Malta. Dawn il-korsijiet għandhom ikunu relatati ma’ dmirijiet ġenerali li wieħed iwettaq fil-Korp iżda mhux neċessarjament relatati mal-qadi ta’ dmirijietu, li l-membru jkun qiegħed iwettaq preżentament. Dan jinkludi wkoll xi kors fil-kamp legali.  
  • Sistema elettronika biex jonqos l-użu tal-karti. L-MPU tgħid li din il-miżura għandha tagħmel tajjeb għall-ambjent, iżżid l-effiċjenza u tnaqqas l-ispejjeż. 
  • Il-faċilitajiet u l-bini kollha tal-pulizija għandhom ikunu newtrali mil-lat tal-ġeneru (gender neutral).  

Proposti ġenerali fuq il-dehra tal-pulizija  

  • Policy dwar it-tpinġija għandha tiġi stabbilità biex tiżgura li l-uffiċjali jkunu permessi li jkollhom it-tpinġija. 
  • Emendi fil-liġijiet li jippermettu li l-uffiċjali tal-pulizija jistgħu ikollhom il-leħja jew il-mustaċċi.  

Proposti fuq l-arresti 

  • L-MPU temmen li l-massimu ta’ 48 siegħa arrest għandu jitla’ għal 72 siegħa f’każi serji bħal serqa b’użu ta’ armi u qtil. Il-limitu ta’ sitt sigħat biex tiġi nfurmata l-Maġistrat għandha wkoll tiġi estiża għal 12-il siegħa fil-każi kollha. Intant huma jemmnu li r-reġistru tal-persuni arrestati għandu jkun f’forma elettronika biex il-Qrati jkollhom aċċess dirett għalih.  

X’qed tipproponi l-Malta Union of Teachers (MUT)?  

Proposti li jattiraw liż-żgħażagħ fil-qasam edukattiv 

  • L-MUT qed tipproponi li jiġu identifikati r-raġunijiet ewlenin għaliex is-settur m’għadux jattira biżżejjed żgħażagħ biex jidħlu f’dan il-qasam edukattiv. Apparti minn hekk l-unjin trid li jiġi identifikat għal liema raġuni dawk iż-żgħażagħ li qed jitħarġu preżentament biex isiru għalliema, huma aktar nisa milli rġiel.  
  • Dan apparati l-eżerċizzju kurrenti li jistabilixxi għaliex in-numru ta’ edukaturi qed iħallu l-professjoni u jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex it-telf ta’ edukaturi jitnaqqas.  
  • L-MUT tipproponi wkoll li, b’kollaborazzjoni magħha, isiru kampanji ta’ promozzjoni tal-professjoni kif ukoll kampanji ta’ għarfien dwar il-korsijiet li jwasslu għall-professjoni. 

Proposti li jtejjbu l-kundizzjonijiet tal-għalliema 

  • L-Unijn tipproponi li għandu jiġi żgurat li f’kull deċiżjoni li tittieħed, l-iskejjel Maltin u Għawdxin ikollhom l-istess benefiċċji, riżorsi u opportunitajiet daqs dawk f’Malta, kemm għall-edukaturi u anke għall-istudenti.  
  • Id-direttiva tar-‘right to disconnect’ għandha titla’ fuq l-aġenda nazzjonali, “biex pajjiżna jkun minn tal-ewwel li jibgħat messaġġ ċar favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja”.   
  • L-MUT pproponiet l-introduzzjoni ta’ ‘indemnity insurance’ - assigurazzjoni speċifika għall-professjonisti- għall-gradi kollha fil-qasam edukattiv. Dan bil-għan li l-edukaturi jħossuhom aktar protetti waqt il-ħin tax-xogħol.  
  • Hija qed tipproponi wkoll li jsiru diskussjonijiet biex jiġi stabbilit kif se tissaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà fl-iskejjel bis-sehem tal-edukaturi u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.  
  • L-MUT temmen li għandhom jinħolqu aktar opportunitajiet, permezz ta’ taħriġ u l-ksib ta’ esperjenza biex edukaturi li jixtiequ jbiddlu s-suġġetti mgħallma, jew li jimxu mis-settur sekondarju għal dak primarji jew viċi versa, ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li jibqgħu fl-impjieg.  
  • L-MUT tisħaq li għandu jkun hemm aktar flessibilità biex l-edukaturi fuq paternal leave jew leave ieħor ikollhom għażla li jaħdmu xi sigħat fuq bażi part-time. “Dan biex dawk l-edukaturi ma jinqatgħux kompletament mid-dinja tax-xogħol u jkomplu jikkontribwixxu kif meħtieġ,” tgħid l-Unjin.  

Proposti li jtejjbu l-kundizzjonijiet tal-istudenti fl-iskola 

  • L-MUT qed tipproponi tisħiħ ta’ strutturi li jħarsu l-benesseri u s-saħħa mentali tal-komunità kollha tal-iskola, b’mod speċjali issa fid-dawl tal-effetti tal-pandemija. Dan għandu jsir billi jiżdiedu r-riżorsi umani fl-iskejjel.  
  • Hija tipproponi li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha jiġu mgħammra b’sistemi ta’ arja kkundizzjonata. Dan għandu jsir b’mod sostenibbli tant li jintużaw il-bjut tal-iskejjel biex tiġi ġġenerata l-enerġija mill-pannelli solari.  

More in Elezzjoni 2022