Il-Budget għall-2027, li se jiġi ppreżentat illejla mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, se jkun konsiderevolment iqsar minn dawk tas-snin preċedenti, b’bidla fil-mod kif se jitħabbru u jiġu spjegati l-miżuri tal-Gvern.
Filwaqt li d-diskors tal-Budget se jagħti ħarsa lejn il-prijoritajiet u d-direzzjoni tal-Gvern għas-sena li ġejja, ħafna mid-dettalji dwar il-miżuri individwali mistennija jingħataw mill-ministeri rispettivi fil-ġimgħat ta’ wara.
Dan ifisser li, għall-kuntrarju ta’ snin preċedenti, mhux id-dettalji kollha tal-miżuri se jiġu spjegati waqt id-diskors tal-Ministru għall-Finanzi fil-Parlament.
Il-Budget ta’ din is-sena se jiġi ppreżentat ukoll fl-isfond ta’ sitwazzjoni ġeopolitika internazzjonali kkumplikata, b’diversi sfidi ekonomiċi u inċertezzi li qed ikomplu jaffettwaw lill-pajjiżi Ewropej, fosthom Malta.
Il-Gvern diġà indika li l-istabbiltà ekonomika u l-protezzjoni tal-familji u n-negozji mill-pressjonijiet internazzjonali se jibqgħu fost il-prijoritajiet tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal fl-aħħar jiem li l-Budget se jkun differenti kemm fl-istil kif ukoll fil-kontenut tiegħu, filwaqt li se jiffoka fuq id-direzzjoni li l-Gvern irid jagħti lill-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Il-Budget 2027, bit-tema Malta Miegħek, se jkun l-ewwel wieħed tal-leġiżlatura l-ġdida wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju li għadda