Il-miżata mit-turisti li jżuru Kemmuna se tiffinanzja t-tisbiħ tal-Blue Lagoon – Abela

Il-Prim Ministru jgħid li t-tieni fażi tax-xogħlijiet se tibda dalwaqt, filwaqt li jiddefendi ż-żieda fl-ekokontribuzzjoni bħala mezz biex it-turiżmu jikkontribwixxi aktar għall-infrastruttura u s-servizzi tal-pajjiż

Ritratt: Daniel Tihn/Illum
Ritratt: Daniel Tihn/Illum

Il-miżata li se jħallsu t-turisti li jżuru Kemmuna se tintuża biex tgħin fil-finanzjament tax-xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-Blue Lagoon, fejn it-tieni fażi tal-proġett mistennija tibda dalwaqt.

Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament b’reazzjoni għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-Baġit, fejn iddefenda wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jżid l-ekokontribuzzjoni fuq it-turiżmu.

Abela qal li l-fondi miġbura minn din il-miżata se jgħinu biex jitwettqu l-investimenti fil-Blue Lagoon, filwaqt li ż-żieda fl-ekokontribuzzjoni se tintuża biex jittejbu s-servizzi u tingħata aktar għajnuna lill-kunsilli lokali f’żoni turistiċi.

Il-Prim Ministru ma tax dettalji dwar l-ispiża tat-tieni fażi tax-xogħlijiet fil-Blue Lagoon jew data preċiża ta’ meta mistennija tibda.

Huwa spjega li dawn il-miżuri jagħmlu parti minn politika li biha l-Gvern irid jiżgura li t-turiżmu jikkontribwixxi aktar għall-pressjoni li joħloq fuq l-infrastruttura u l-komunitajiet.

Abela qal li l-istess prinċipju qed jiġi applikat għall-akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir, magħrufa bħala short-lets, u għall-passiġġieri tal-cruise liners.

Dwar dawn tal-aħħar, il-Prim Ministru ħabbar li l-fondi miġbura mill-kontribuzzjoni tal-passiġġieri tal-cruise liners se jintużaw biex titwaqqaf fondazzjoni ġdida għall-Belt Valletta.

Il-fondazzjoni mistennija tinkludi l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u diversi entitajiet oħra, bil-għan li jkun hemm koordinazzjoni aħjar fil-ħidma għall-ħarsien u ż-żamma tal-kapitali.

Abela jiċħad li l-Gvern qed jiffoka fuq il-kwantità tat-turisti

Il-Prim Ministru kkritika lill-Oppożizzjoni talli akkużat lill-Gvern li qed jagħti prijorità lin-numru ta’ turisti minflok lill-kwalità tagħhom.

Huwa argumenta li ż-żieda fl-ekokontribuzzjoni, introdotta f’żewġ Baġits konsekuttivi, turi li l-politika tal-Gvern mhix ibbażata biss fuq il-kwantità.

Abela sostna li l-għan tal-Gvern huwa li Malta tattira turisti ta’ kwalità matul is-sena kollha.

Huwa kkritika wkoll il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ekokontribuzzjoni tiżdied biss matul is-sajf, u qal li din tmur kontra l-ħtieġa li l-pajjiż ikollu settur turistiku sostenibbli matul is-sena kollha.

Il-Prim Ministru qal li turisti li joqogħdu fi short-lets joħolqu pressjoni akbar fuq l-ekosistema tal-pajjiż minn dawk li jagħżlu lukanda, filwaqt li l-passiġġieri tal-cruise liners għandhom impatt partikolari fuq l-infrastruttura tal-Belt Valletta.

Huwa sostna li l-istess japplika għat-turisti li jaqsmu lejn Għawdex, fejn il-bidliet fin-nollijiet għandhom jgħinu biex jagħmlu tajjeb għall-impatt fuq l-infrastruttura tal-gżira.

Il-Qatar Airways terġa’ tibda topera minn Malta f’Marzu

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Qatar Airways se terġa’ tibda topera minn Malta f’Marzu 2027, żvilupp li qal se jagħti lill-pajjiż aċċess għan-network globali tal-linja tal-ajru.

Abela qal li dan jagħmel parti mill-ħidma tal-Gvern biex Malta tattira aktar turisti minn swieq internazzjonali differenti.

Huwa semma wkoll is-servizz tad-Delta Air Lines bejn New York u Malta, filwaqt li qal li għaddejjin l-aħħar diskussjonijiet biex din ir-rotta tkompli topera wkoll is-sena d-dieħla.

Dwar l-investiment fis-settur tal-avjazzjoni, Abela qal li l-Lufthansa Technik mistennija tiftaħ ir-raba’ hangar tagħha f’Malta fl-ewwel kwart tal-2027.

Huwa spjega li dan l-investiment se jippermetti lill-kumpanija twettaq xogħlijiet fuq kważi kull tip ta’ ajruplan kummerċjali, filwaqt li semma l-involviment ta’ INDIS Malta fit-twettiq tal-proġett.

Il-Prim Ministru sostna li dawn l-investimenti juru kif Malta qed tkompli tattira attività ekonomika ta’ valur miżjud għoli, filwaqt li toħloq aktar opportunitajiet fis-setturi speċjalizzati.

Riformi għall-protezzjoni tal-ġurnalisti

Fost avviżi oħra li għamel waqt id-diskors, Abela qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jressaq fil-Parlament riformi ġodda għall-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Huwa ddeskriva dawn il-proposti bħala parti minn sensiela ta’ riformi aktar ambizzjużi fil-qasam tal-governanza u l-istituzzjonijiet.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-protezzjoni tas-settur ġurnalistiku, iżda ma tax dettalji dwar il-bidliet speċifiċi li qed jiġu proposti.

Abela rrefera wkoll għar-riformi kostituzzjonali tal-2020, fosthom il-bidliet fil-mod kif jinħatru u jitneħħew il-membri tal-ġudikatura.

Huwa sostna li istituzzjonijiet b’saħħithom, it-trasparenza u l-kontabbiltà huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż.

Vapuri ġodda tal-Gozo Channel

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern għandu pjanijiet biex il-Gozo Channel tibni vapuri ġodda li jkunu proprjetà tagħha.

Huwa ħabbar li għandu jitnieda proċess ta’ prekwalifikazzjoni għal dan il-għan, filwaqt li qal li l-proċess għall-introduzzjoni tar-raba’ vapur jinsab fl-aħħar fażi tal-aġġudikazzjoni.

Abela semma wkoll l-allokazzjoni ta’ €141 miljun għal Għawdex fil-Baġit u sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.

€400 miljun oħra għas-sussidji tal-enerġija

Dwar il-qasam tal-enerġija, Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jżomm stabbli l-prezzijiet tal-elettriku u l-fjuwils permezz tas-sussidji.

Huwa qal li din is-sena l-Gvern se jkun nefaq €392 miljun fuq dawn is-sussidji, filwaqt li għas-sena d-dieħla ġew allokati €400 miljun oħra.

Il-Prim Ministru sostna li dawn il-miżuri huma kruċjali biex il-familji u n-negozji ma jerfgħux il-piż taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.

Abela akkuża lill-Oppożizzjoni li ma ppreżentatx pjan ċar dwar kif se żżomm dawn is-sussidji, filwaqt li sfidaha tispjega xi tfisser bil-proposta tagħha għal reviżjoni tal-politika tas-sussidji tal-enerġija.

Huwa semma wkoll investimenti ġodda fin-network tal-Enemalta, inkluż il-pjan għal 15-il ċentru ġdid tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Il-Baġit u l-mira ta’ titjib fil-kwalità tal-ħajja

Matul id-diskors tiegħu, Abela ddefenda wkoll il-miżuri soċjali tal-Baġit, fosthom is-super bonus ta’ €1,000 fis-sena, it-tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul, iż-żidiet fil-pensjonijiet u l-għajnuniet għall-familji.

Huwa qal li l-għan tal-Gvern huwa li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jinħassu b’mod aktar dirett fil-ħajja tan-nies.

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern qed jimmira għal titjib ta’ 25% fil-kwalità tal-ħajja fuq medda ta’ ħames snin, skont il-kejl tal-Wellbeing Index.

Abela qal li t-tkabbir ekonomiku għandu jibqa’ l-bażi tal-politika tal-Gvern, iżda enfasizza li dan irid jissarraf f’servizzi aħjar, aktar spazji miftuħa, komunitajiet aktar siguri u aktar dħul disponibbli għall-familji.

Huwa għalaq id-diskors billi sostna li l-viżjoni Malta 2050 għandha twassal għal pajjiż fejn il-progress ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja jkomplu jissaħħu flimkien.

Il-PN jgħid li Abela naqas milli jag ħti tweġibiet dwar it-traffiku, il-popolazzjoni u l-kwalità tal-ħajja

Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet barra l-Parlament wara d-diskors tal-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista kkritika lil Robert Abela talli, skontu, iddedika l-maġġoranza tad-diskors tiegħu għal attakki fuq l-Oppożizzjoni u għall-passat, minflok ma ffoka fuq l-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż.

Il-PN sostna li Abela naqas milli jagħti serħan il-moħħ lill-imsieħba soċjali, li kienu esprimew diversi tħassib dwar il-miżuri mħabbra fil-Baġit.

L-Oppożizzjoni kkontestat ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru dwar iż-żieda fil-produttività, filwaqt li sostniet li ċ-ċifri tal-Gvern stess u dawk tal-imsieħba soċjali juru stampa differenti.

Il-PN qal li l-Prim Ministru ħalla diversi mistoqsijiet mingħajr tweġiba, fosthom dwar kif il-Gvern beħsiebu jindirizza l-problema tat-traffiku, iż-żieda fil-popolazzjoni u l-ħtieġa li tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż.

Il-partit ikkritika wkoll in-nuqqas ta’ referenza għall-Wellbeing Index fid-diskors tal-Baġit tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, minkejja li, skont il-PN, dan kien wieħed mill-pilastri ewlenin tal-manifest elettorali Laburista.

Il-PN sostna li minflok politika ta’ diviżjoni, il-pajjiż għandu bżonn għaqda u djalogu mal-imsieħba soċjali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi ewlenin.

L-Oppożizzjoni qalet li trid tippreżenta ruħha bħala gvern alternattiv li joffri soluzzjonijiet konkreti, filwaqt li saħqet fuq il-ħtieġa li l-ħaddiema u n-negozji jaħdmu flimkien biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-Maltin u l-Għawdxin.

More in Budget 2027