Iżrael interċetta missila ballistika sparata mill-moviment Houthi li huwa bbażat fil-Jemen. Dan l-aħħar iżvilupp jimmarka l-ewwel darba li l-Houthi ipparteċipaw b'mod dirett fil-gwerra li preżentament għaddejja fl-Iran u li issa daħlet fid-29 jum tagħha.
Attakki matul il-lejl laqtu miri madwar il-Golf Persjan, u ferew 12-il suldat Amerikan fl-Għarabja Sawdija, filwaqt li l-Iran ħabbar li għalaq l-Istrett ta’ Ħormuż għat-tbaħħir.
“Għandna objettivi u aħna fiduċjużi ħafna li qegħdin fuq il-ponta li nilħquhom,” qal is-segretarju tal-istat Amerikan Marco Rubio lill-ġurnalisti, u żied li Washington tistenna li l-kunflitt jintemm fi żmien ġimgħat, mhux xhur.
Il-moviment Houthi tal-Jemen; li jikkontrolla n-naħa ta' fuq tal-Jemen u li huwa allineat b’mod wiesa’ mal-Iran; kien wissa aktar kmieni fil-ġimgħa li kien lest għal “intervent militari dirett” jekk alleanzi ġodda jingħaqdu mal-Istati Uniti u Iżrael fil-kunflitt.
Il-Houthi; magħrufa wkoll bħala Ansar Allah; ilhom li kisbu kontroll ta' partijiet mill-Jemen mill-2014, meta l-moviment ħataf il-belt kapitali ta' Sanaa. Il-gvern Jemenit, illi huwa rikonoxxut b'mod internazzjonali bħala l-gvern leġittimu tal-Jemen, huwa bbażat fil-belt ta' Aden u huwa appoġġjat mis-Sawdi Għarabja.
Il-gvern Jemenit beda jikkontrolla l-maġġoranza tal-pajjiż minn Jannar li għadda wara d-disoluzzjoni tal-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar (STC) li kien appoġġjat mill-Emirati Għarab Magħquda u li kellu l-interess li joħloq stat indipendenti fil-Jemen t'Isfel.
Nhar il-Ġimgħa, il-grupp qal li kellu “subgħajh fuq il-grillu.” Il-missila sparata lejn Iżrael matul il-lejl ġiet interċettata fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu.
L-intervent min-naħa tal-Houthi kontra l-Iżrael qiegħed isir biss ftit ġimgħat wara li sar magħruf li l-Iżrael qiegħed jikkunsidra l-bini ta' bażi militari fir-reġjun separatista tas-Somaliland sabiex jattakka lill-grupp Houthi.
Iżjed attakki matul il-lejl komplew jinfirxu madwar ir-reġjun. Fdalijiet li waqgħu minn missila ballistika interċettata kkawżaw żewġ nirien f'ċentru industrijali bejn Abu Dhabi u Dubai, u ferew ħames ċittadini Indjani.
Id-drones immiraw lejn il-port ta' Salalah fl-Oman, u ferew ħaddiem barrani wieħed. Il-ministeru tad-difiża tal-Għarabja Sawdija qal li interċetta missila ballistika mnedija lejn Riyadh, filwaqt li d-difiża ċivili tal-Baħrejn tefgħet nar f'faċilità mmirata mill-Iran, u l-Kuwajt waqqgħet sitt drones f'24 siegħa.
Fil-Bażi tal-Ajru Prince Sultan fl-Għarabja Sawdija, attakk bid-drones ħalla 12-il suldat Amerikan midruba, tnejn minnhom serjament, u għamel ħsara lil diversi ajruplani Amerikani li kienu qed jimlew il-fjuwil.
Waqt li tkellem f'avveniment f'Miami, Donald Trump qal li l-Iran "mhux aktar il-bully" u sostna li "ħadd ma jrid imexxi" l-pajjiż. Huwa kkritika wkoll lin-NATO talli ma appoġġjatx il-gwerra, u sejjaħilha "tigra tal-karti", u qal li l-Iran bagħat lill-Istati Uniti għaxar vapuri taż-żejt bħala parti min-negozjati.
Trump appella lill-Iran sabiex jerġa’ jiftaħ l-Istrett ta’ Ħormuż, illi jinsab magħluq skont il-midja statali Iranjana, bil-bastimenti diġà mibgħuta lura u oħrajn imwissija dwar “miżuri ħorox”, filwaqt li rrefera għalih fil-qosor bħala l-“Istrett ta’ Trump” qabel ma kkoreġa lilu nnifsu.
Fil-Libanu, il-militar ta’ Iżrael irrapporta disa’ suldati midruba matul l-aħħar jumejn fin-Nofsinhar tal-Libanu, inklużi żewġ uffiċjali midruba serjament minn sparar ta’ missili kontra t-tankijiet.
Dan l-aħħar żvilupp fil-Libanu qiegħed jirriżulta hekk kif il-militar Iżraeljan illegalment invada n-nofsinhar tal-Libanu u qiegħed ifittex illi jistabbilixxi okkupazzjoni militari permanenti 'l isfel mix-Xmara Litani sabiex jikkumbatti lill-grupp Ħeżbollaħ.