Wara ġimgħat ta' tensjonijiet kummerċjali, l-Amerka u ċ-Ċina waslu għal ftehim li jinkludi tnaqqis sinifikanti fit-tariffi miż-żewġ naħat għal perjodu ta' 90 jum.
Dan il-ftehim, li ntlaħaq wara żewġt ijiem ta' negozjati f'Ġinevra, jimmira li jnaqqas l-eskalazzjoni tal-gwerra kummerċjali li l-President tal-Amerka Donald Trump beda iktar kmieni dis-sena meta ħabbar tariffi sinifikanti fuq numru ta' pajjiżi.
Dettalji tal-ftehim
Skont id-dikjarazzjoni konġunta maħruġa mill-White House, l-Istati Uniti se jnaqqsu t-tariffi fuq prodotti Ċiniżi minn 145% għal 30%, filwaqt li ċ-Ċina se tnaqqas it-tariffi fuq prodotti Amerikani minn 125% għal 10%.
Dan it-tnaqqis se jidħol fis-seħħ fl-14 ta' Mejju u jibqa' għaddej għal 90 jum. Fl-istess ħin, iż-żewġ nazzjonijiet ħa jkomplu n-negozjati tagħhom sabiex jindirizzaw kwistjonijiet strutturali fil-kummerċ bejniethom.
Reazzjonijiet uffiċjali
Is-Segretarju tat-Teżor Amerikan, Scott Bessent, iddeskriva n-negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi bħala "produttivi". "Għamilna progress sostanzjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina f'dawn in-negozjati tal-kummerċ importanti ħafna", żied jgħid Bessent.
Huwa qal ukoll li la l-Amerka u la ċ-Ċina ma jixtiequ jitbiegħdu kummerċjalment, imma fl-istess ħin li l-Amerka tixtieq li ċ-Ċina jkunu "iktar lesti jaċċettaw prodotti Amerikani."
Min-naħa tiegħu, il-Viċi Prim Ministru Ċiniż, He Lifeng, irrimarka li d-differenzi bejn iż-żewġ naħat "ma kinux kbar daqskemm wieħed jaħseb."
Lifeng tkellem ukoll dwar in-negozjati, fejn qal li kien hemm "progress importanti" bejn iż-żewġ pajjiżi, u li n-negozjati kienu sinċiera u li daħlu fil-fond.
Wara l-ewwel jum tan-negozjati, Trump kiteb fuq il-pjattaforma Truth Social li n-negozjati kienu "tajbin ħafna" u ddeskrivihom ukoll bħala "bidu ġdid li wasalna għalih b'mod simpatiku u kostruttiv."