Il-katavru tal-Papa trasferit għall-Bażilika ta’ San Pietru hekk kif il-pellegrini jinżlu Ruma

Eluf ta’ pellegrini nġabru Ruma hekk kif il-katavru tal-Papa Franġisku ġie trasferit għall-Bażilika ta’ San Pietru, fejn se jitqiegħed għall-viżti sal-funeral li se jsir nhar is-Sibt • Pellegrina tiddeskrivi l-esperjenza bħala waħda "li ġġibek tħossok daqs naqra"

Il-Papa Franġisku mqiegħed għall-viżti fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan (Ritratt: Vatican News)
Il-Papa Franġisku mqiegħed għall-viżti fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan (Ritratt: Vatican News)

Il-katavru tal-Papa Franġisku ġie uffiċjalment trasferit nhar l-Erbgħa filgħodu għall-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, fejn se jibqa’ espost għall-pubbliku sal-funeral tiegħu li se jsir is-Sibt li ġej.

Ir-Rite of Translation, kif inhu magħruf, beda mill-Casa Santa Marta, fejn il-katavru kien qed jinżamm sa minn nhar it-Tnejn, u twettaq mill-membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali li jinsabu Ruma.

Il-Kardinal Kevin Farrell, li huwa l-Kamerlengo tal-Knisja Mqaddsa Rumana, mexxa l-funzjoni liturġika bil-qari ta’ talba qasira għal ruħ il-Papa fil-kappella ta’ Casa Santa Marta. Fil-bidu tat-talba, il-Kardinal Farrell rringrazzja lil Alla għas-servizz ta’ 12-il sena li ta l-Papa Franġisku.

Il-Kulleġġ tal-Kardinali mbagħad mexxa purċissjoni bit-tebut fil-pjazza ta’ Santa Marta, taħt l-Arkata tal-Qniepen, u daħlu fil-Pjazza ta’ San Pietru. Aktar minn 20,000 persuna nġabru taħt ix-xemx biex jagħtu l-aħħar tislima tagħhom.

Eluf ta' pellegrini qed jinġabru Ruma qabel il-funeral tal-Papa s-Sibt li ħa ssir barra l-Bażilika ta' San Pietru (Ritratt: Adriana Farrugia/ILLUM)
Eluf ta' pellegrini qed jinġabru Ruma qabel il-funeral tal-Papa s-Sibt li ħa ssir barra l-Bażilika ta' San Pietru (Ritratt: Adriana Farrugia/ILLUM)

Pellegrini minn madwar id-dinja bdew jaslu Ruma bil-kbir fil-jiem ta’ qabel il-funeral. Skont Adriana Farrugia, li tkellmet ma’ MaltaToday, in-nies bdew jinġabru sa mis-6 ta’ filgħodu quddiem il-bażilika. “Hija esperjenza li ġġibek tħossok daqs naqra,” qalet dwar l-atmosfera solenni li kien hemm fil-pjazza.

Farrugia tinsab Ruma flimkien ma’ ħutha, fi vjaġġ li oriġinarjament kellu jkun biex jattendu għall-kanonizzazzjoni ta’ Carlo Acutis, li kellha ssir il-Ħadd. Din il-kanonizzazzjoni tħassret u ġiet posposta minħabba l-mewt tal-Papa. Acutis, li twieled fl-1991 u miet ta’ 15-il sena minħabba tal-lewkimja, huwa mistennija li jsir l-ewwel qaddis mill-ġenerazzjoni tal-millennials.

Farrugia rrimarkat ukoll li s-sikurezza fiż-żona hija straordinarjament stretta.

Eluf oħra ta’ pellegrini huma mistennija jaslu Ruma biex jattendu l-funeral. Saffrattant, il-katavru tal-Papa se jibqa’ espost għall-pubbliku biex kull min jixtieq jagħti l-aħħar tislima jkollu l-opportunità jagħmel dan.

Il-Papa Franġisku miet nhar It-Tnejn, l-għada tal-Għid, wara li tatu puplesija, fejn imbagħad waqa' f'koma u qalbu waqfet għalkollox. Ġurnata qabel, kien irnxxielu jinżel fil-pjazza ta’ San Pietru biex jilqa’ l-folla li nġabret għall-festa tal-Għid.

Il-Papa kien spiċċa l-isptar fI Frar wara attakk serju ta’ pulmonite, iżda nħareġ mill-isptar ftit ta' ġimgħat ilu u kien qed jirkupra fil-Vatikan.

AQRA WKOLL: Issa li miet il-Papa, x'se jiġri?

More in Barranin