Il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħabbret li ħarġet mandati ta’ arrest kontra l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, l-eks Ministru tad-Difiża Yoav Gallant, kif ukoll kontra Mohammed Deif, il-mexxej militari tal-Ħamas. Din id-deċiżjoni hija meqjusa bħala pass importanti fil-kuntest tal-kunflitt fil-Gaza.
Skont id-dikjarazzjoni tal-ICC, hemm “raġunijiet raġonevoli” biex wieħed jemmen li Netanyahu u Gallant huma responsabbli kriminalment li użaw il-ġuħ bħala għodda fi gwerra. Dan apparti kriminalitajiet kontra l-umanità bħalma huma qtil, il-persekuzzjoni, u atti inumani oħra. L-istess Qorti qed takkuża lil dawn iż-żewġ persuni li intenzjonalment ċaħdu liċ-ċivil f'Gażà minn riżorsi essenzjali bħall-ikel, ilma, mediċina, provvista mediċinali, fuel u elettriku matul il-kunflitt.
Netanyahu ċaħad dawn l-akkużi, u ddeskrivihom bħala “assurdi u foloz.” Huwa qal ukoll li t-talba tal-prosekutur għall-mandat ta’ arrest hija “distorsjoni tar-realtà.” L-Iżrael qed isostni li qed jiġi mmirat b’mod inġust mill-ICC, waqt li jinsisti li jibqa’ impenjat lejn il-prinċipji tal-istat tad-dritt.
Il-Qorti ħarġet ukoll mandat ta’ arrest kontra Mohammed Deif, magħruf ukoll bħala Mohammed Diab Ibrahim al-Masri, fuq akkużi ta’ kriminali kontra l-umanità. Deif, li huwa meqjus bħala l-moħħ wara l-attakki tas-7 ta’ Ottubru, allegatament miet f’attakk mill-ajru fuq il-Gaza aktar kmieni din is-sena, għalkemm għadu mhux ċar jekk dan huwiex il-każ.
Dan il-pass min-naħa tal-ICC huwa meqjus bħala wieħed storiku u sinifikanti fil-ġlieda għall-ġustizzja internazzjonali. Għad irid jara kif il-komunità internazzjonali se tirrispondi għal dawn il-mandati ta’ arrest f’kuntest tant kumpless u kontroversjali.