L-UE tappella għal pawżi immedjati f’Gaża

L-UE tikkundanna lill-Ħamas talli użat sptarijiet bħala tarki umani f'Gaża u titlob il-ħelsien bla kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha meħuda fl-attakk terroristiku tas-7 ta' Ottubru

L-Unjoni Ewropea (UE) għal darb'oħra ħarġet stqarrija fejn esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar il-kriżi umanitarja li qed tikber f'Gaża.

L-UE qalet li trid "pawżi immedjati" fl-ostilitajiet u li jitwaqqfu rotot umanitarji u marittimi sabiex tasal l-għajnuna umanitarja b'mod sikur lill-popolazzjoni ta’ Gaża.

Filwaqt li l-UE reġgħet enfasizzat id-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi lilu nnifsu f’konformità mal-liġi internazzjonali u l-liġi umanitarja internazzjonali, appellat għal aċċess u għajnuna umanitarja kontinwa u mingħajr xkiel biex tilħaq lil dawk fil-bżonn permezz tal-miżuri kollha meħtieġa inklużi l-pawżi għal bżonnijiet umanitarji.

Il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Esterni Josep Borrell saħaq li l-UE ttenni t-talba tagħha lill-Ħamas għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha u li huwa kruċjali li jingħata aċċess lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) għall-ostaġġi.

Minflok ma tikkundanna l-bumbardament mill-Iżrael ta’ sptarijiet f’Gaża, l-UE tikkundanna l-użu tagħhom mill-Ħamas bħala tarki umani. In-nies ċivili għandhom jitħallew joħorġu miż-żona tal-ġlieda. Dawn l-ostilitajiet qed jolqtu serjament l-isptarijiet u qed iħallu effett orribbli fuq iċ-ċivili u l-istaff mediku saħqet l-UE.

L-UE tenfasizza li l-liġi umanitarja internazzjonali tistipula li l-isptarijiet, il-provvisti mediċi u ċ-ċivili ġewwa l-isptarijiet għandhom jiġu protetti.

“L-isptarijiet għandhom ukoll jiġu fornuti immedjatament bl-aktar provvisti mediċi urġenti u l-pazjenti li jeħtieġu kura medika urġenti jeħtieġ li jiġu evakwati b’mod sigur. F'dan il-kuntest, inħeġġu lill-Iżrael biex jeżerċita trażżin massimu biex jiżgura l-protezzjoni taċ-ċivili.”

More in Barranin