Erdogan se jmexxi lit-Turkija għall-ħames snin oħra

Bosta huma mħassba li Erdogan se jkun qed imexxi lit-Turkija bl-istess mod li mexxa' qabel l-elezzjoni, hekk kif il-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma sfidi ekonomiċi kbar b'rata tal-inflazzjoni li tlaħħaq l-44%, fost problemi oħra

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan se jkompli jmexxi lit-Turkija għall-ħames snin li ġejjin, wara r-rebħa elettorali tiegħu kontra Kemal Kilicdaroglu.

Dan wara t-tieni jum ta’ votazzjoni, minħabba li fl-ewwel jum, l-ebda kandidat ma ġab il-maġġoranza tal-voti.

Hekk kif tħabbar ir-riżultat il-Ħadd, Erdogan għamel diskors li ġie kkritikat minn bosta, hekk kif filwaqt li saħaq li l-pajjiż kollu huwa rebbieħ, irredikula lill-avversarju politiku tiegħu. Min-naħa tiegħu Kilicdaroglu stqarr li din ma kinitx elezzjoni ġusta, hekk kif il-partit ta’ Erdogan uża l-poter tal-istat kollu kontrih.

Din l-elezzjoni kienet waħda taħraq ferm għat-Turkija. Fost l-oħrajn uffiċjal minn partit fl-oppożizzjoni ġie maqtul b’daqqiet ta’ sikkina waqt iċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa tal-partit ta’ Erdogan.

L-elezzjoni sret ukoll fl-isfond ta’ diversi kontroversji marbuta mad-deċiżjonijiet ta’ Erdogan f’dawn l-aħħar ħames snin. Fosthom, hemm rata ta’ inflazzjoni ta’ 44% li qed tolqot lill-familji u n-negozji kollha fil-pajjiż, u l-valur tal-Lira Torka niżlet f’livelli rekord minħabba deċiżjonijiet ekonomiċi ta’ Erdogan.

Minkejja dan, dawk li jappoġġjaw lil Erdogan jidru li ma kinux imħassba dwar l-ekonomija, hekk kif dawn tkellmu aktar dwar il-politika aggressiva ta’ Erdogan kontra militanti Kurdi.

Minkejja ċ-ċelebrazzjonijiet, bosta qed jinnutaw firda kbira fost il-poplu Tork, hekk kif kważi nofs l-elettorat m’appoġġjax lill-President attwali. Li hu żgur huwa li wieħed jista’ jistenna l-istess stil ta’ tmexxija minn Erdogan li uża f’dawn l-aħħar disa’ snin, ikkaratterizzata minn politika konservattiva u attitudni kemmxejn awtoritarja fit-Turkija stess, u anke fil-fora internazzjonali.

More in Barranin