L-Ukreni jirbħu lura belt strateġika fir-reġjun ta' Donetsk

Dan huwa wieħed mill-erba' reġjuni maħtufa mir-Russi u li Putin iddikjara li issa huma parti integrali mir-Russja

Ir-Russja kienet kostretta ċċedi l-belt strateġika ta’ Lyman wara l-avvanzi li għamlu s-suldati Ukreni. Din qed tidher bħala daqqa għar-Russja wara dak kollu li ħatfet taħt idha fil-lvant tal-Ukrajna.

Il-Ministeru għad-Difiża Russu qal li d-deċiżjoni biex is-suldati Russi jħallu din il-belt ittieħdet minħabba r-riskju li dawn jispiċċaw maqbuda u ma jistgħux joħorġu minnha.

Diversi analisti qed jisħqu li l-fatt li l-Ukrajna ħadet lura f’idha din il-belt jista’ jgħinna biex tkompli tikseb lura territorji maħtufa fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk.

Fil-fatt, din il-belt tinsab f’Donetsk, wieħed mill-erba’ reġjuni li l-ġimgħa li għaddiet, il-President Russu Vladimir Putin iddikjara li issa huma “darba għal dejjem” parti mir-Russja.

Dan wara votazzjoni li saret fl-istess reġjuni maħtufa, liema votazzjonijiet kienu meqjusa bħala “farsa u falsità” mill-Ukrajna u l-pajjiżi tal-punent.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelenky, qal li l-belt hija issa meħlusa kompletament mit-truppi Russi. 

Inxterdu wkoll filmati ta’ suldati Ukreni li jidhru jxejru l-bandiera tal-Ukrajna f’din il-belt.

Lyman kienet qed tintuża bħala hub loġistiku għar-Russja u allura r-rebħa tas-suldati Ukreni hija aktar sinifikanti.

More in Barranin