Putin ħarstu fuq il-Finlandja ... Jwissi b'riperkussjonijiet militari serji jekk tingħaqad man-NATO

Dan huwa t-tielet jum li l-Ukrajna qamet għalih b'attakki mir-Russja, b’uffiċjali Ukreni jisħqu l-bieraħ filgħodu li l-forzi Russi daħlu saħansitra fil-Kapitali Kjiv

Vladimir Putin dawwar ħarstu fuq il-Finlandja u heddidha "b'riperkussjonijiet militari u politiċi serji" jekk tingħaqad man-NATO. 

Il-Finlandja mhix membru tan-NATO iżda hija parti mill-UE u hija pajjiż newtrali. Madankollu l-Prim Ministru Finlandiż Sanna Marin qalet din il-ġimgħa li d-dibattitu dwar is-sħubija fin-NATO "se jinbidel" wara l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Min-naħa tagħha pero' il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu Maria Zakharova fil-pront wieġbet “aħna nqisu l-impenn tal-Gvern Finlandiż għal politika militari bħala fattur importanti biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà fit-Tramuntana tal-Ewropa. L-adeżjoni tal-Finlandja man-NATO jkollha riperkussjonijiet militari u politiċi serji.”

Dan huwa t-tielet jum li l-Ukrajna qamet għalih b'attakki mir-Russja, b’uffiċjali Ukreni jisħqu l-bieraħ filgħodu li l-forzi Russi daħlu saħansitra fil-Kapitali Kjiv.

Il-Finlandja ma kinitx qed tikkunsidra sħubija man-NATO u issa?

Il-Prim Ministru Finlandiża Sanna Marin, sa xahar ilu, qalet li "huwa improbabbli ħafna" li l-Finlandja - li tmiss mar-Russja - tapplika għal sħubija fin-NATO matul il-mandat attwali tagħha. Minkejja dan, wara l-attakki mir-Russja fuq l-Ukrajna, il-Finlandja qed terġa' tibda' taħsibha.

Fil-fatt nhar il-Ħamis, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li "jistima s-sħubija mill-qrib" mal-Finlandja u l-Iżvezzja anke jekk mhumiex membri. L-alleanza tan-NATO bħalissa hija magħmula minn 28 pajjiż Ewropew, l-Istati Uniti u l-Kanada.

Għaldaqstant, il-President Russu Vladimir Putin uża l-ambizzjoni tal-Ukrajna li ssir membru tan-NATO bħala skuża biex jinvadi l-pajjiż. Truppi Russi daħlu fl-Ukrajna fuq tliet fronti nhar il-Ħamis stess. Il-militar Russu avvanza fuq il-kapitali Kyiv u jinsab impenjat f'battalji fit-toroq mat-truppi Ukreni. Ġew irrappurtati bosta mwiet ċivili.

L-invażjoni tar-Russja ġiet ikkundannata mill-poteri tal-Punent u l-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada imponew sanzjonijiet fuq l-elite Russa, inklużi Putin u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sergey Lavrov.

In-NATO qalet li mhux se tintervjeni militarment fl-Ukrajna iżda bagħtet truppi u armi lejn pajjiżi membri li jmissu mar-Russja u l-Ukrajna.

'Il-President Putin beda gwerra fl-Ewropa' - Roberta Metsola

"Ix-xeni li qed naraw fl-Ukrajna huma diffiċli għalina li nixhdu - filwaqt li aħna ttamajna u ħdimna sabiex nippromovu il-proċess ta' de-eskalazzjoni, il-biżgħat tagħna u t-twissijiet kienu issa rrealizzati. Il-President Putin beda gwerra fl-Ewropa."

Hekk sostniet fl-indirizz tal-ftuħ tal-Kunsill Ewropew ilbieraħ il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Il-Kunsill - jiġifieri l-mexxejja kollha ewropej, inkluż l-Prim Ministru Malti Robert Abela -  iltaqa' jumejn ilu biex jiddiskuti l-attakk Russu fuq l-Ukrajna.

 Il-Parlament Ewropew se jkun qed jlaqqa' Sessjoni Plenarja Straordinarja nhar it-Tlieta li ġej illi fiha se tiġi diskussa din is-sitwazzjoni. 

More in Barranin