Johnson jappella għall-kawtela hekk kif jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fl-Ingilterra

Dan minkejja t-twissija u t-tbassir li l-infezzjonijiet il-ġodda jistgħu jlaħħqu l-200,000 każ kuljum aktar tard fis-sajf

Minkejja ż-żieda fil-każi ta' Covid-19, illum fl-Ingilterra tneħħew tista' tgħid ir-restrizzjonijiet kollha marbuta mal-kuntatt soċjali li ddaħħlu fis-seħħ fl-aħħar xhur.

Fil-fatt, issa ma hemm l-ebda limitu fuq kemm jistgħu jiltaqgħu persuni flimkien jew inkella kemm jista' jkun hemm udjenza waqt attivitajiet, bl-istabbilimenti tad-divertiment jiftħu wkoll beraħ il-bibien tagħhom.

Tneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet kollha li kienu għadhom imposti fuq il-pubs u r-ristoranti.

Anke l-ilbies tal-maskra mhux se jibqa' obbligatorju għalkemm jibqa' rrakkomandat f'xi postijiet.

Ir-restrizzjonijiet tneħħew minkejja twissijiet li l-każi se jkunu qed jiżdiedu drastikament, bil-Prim Ministru Boris Johnson, li jinsab fi kwarantina, xorta waħda jappella għall-kawtela.

Fil-fatt, xjentisti qed ibassru li l-każi l-ġodda se jkomplu jiżdiedu u sa tard fis-sajf jistgħu jibdew jinstabu mal-200,000 każ kuljum.

Madanakollu, hekk kif 68% tal-adulti issa huma mlaqqma kompletament, il-pazjenti fl-isptarijiet u anke l-imwiet kawża tal-Covid-19, se jkunu ħafna inqas mil-livelli li laħqu kull meta kien hemm mewġa u żieda fil-każi.

More in Barranin