Il-bastiment enormi ta' ġarr ta' merkanzija li nkalja u weħħel għal kollox il-kanal ta' Suez għal kważi ġimgħa, inqala' parzjalment wara ħidma ma taqta' xejn lejl u nhar.
Tugboats irnexxielhom iċaqilqu l-bastiment biżżejjed biex bastimenti oħra li nqabdu warajh ikunu jistgħu jgħaddu.
Il-ħidma mistennija tkompli llum bil-għan li l-bastiment jinqala' għal kollox u jitressaq biżżejjed biex ikunu jistgħu jgħaddu bastimenti oħra.
Il-Kanal ta' Suez huwa rotta importanti immens għall-kummerċ globali.
12% tal-kummerċ globali jgħaddi minn dan il-Kanal li jipprovdi wkoll l-iqsar rotta bejn l-Asja u l-Ewropa.
Fil-fatt, il-bastiment ma weħħilx sempliċiment bastimenti oħra, iżda weħħel magħhom madwar $9.6 biljun kuljum ta' merkanzija.