L-aħħar sigħat tal-kampanja | Trump u Biden ras imb'ras fi stati kruċjali

Iż-żewġ kandidati komplew jikkampanjaw f'dawk l-istati li se jkunu qed jiddeċiedu r-riżultat ta' din l-elezzjoni

Donald Trump u Joe Biden għaddejin bl-aħħar ftit tal-kampanja tagħhom hekk kif għada tiġi fi tmiemha l-votazzjoni f’din l-elezzjoni presidenzjali taħraq li se tiddeċiedi l-futur tal-Istati Uniti.

Il-President Donald Trump żar ħames stati fl-aħħar sigħat, filwaqt li r-rivali tiegħu, Joe Biden, tkellem f’Pennyslvania, fejn id-distakk bejn iż-żewġ kandidati huwa żgħir.

Biden, li kien Viċi-President ta’ Barack Obama, jidher li qed igawdi vantaġġ sostanzjali fuq Trump skont l-aħħar sondaġġi.

Madanakollu, il-vantaġġ tiegħu huwa ħafna aktar baxx fi stati importanti li jistgħu jiddeċiedu r-riżultat.

Sa issa, aktar minn 90 miljun Amerikan tefgħu l-vot tagħhom. Kollox qed jindika li t-turnout se jkun wieħed mill-aktar għolja fl-aħħar seklu.

Biex ikun elett president, kandidat irid jirbaħ minn tal-inqas 270 vot f’dak imsejjaħ il-Kulleġġ Elettorali.

Kull stat għandu abbinat miegħu ċertu ammont ta’ voti, ibbażat parzjalment fuq il-popolazzjoni tiegħu.

Propju għalhekk li kandidat jista’ jirbaħ il-vot popolari, jiġifieri jikseb l-akbar ammont ta’ voti, iżda xorta ma jirbaħx l-elezzjoni.

Hekk ġara fl-2016 lil Hillary Clinton.

Ovvjament, il-pandemija kienet fil-qalba ta’ din il-kampanja. Ilbieraħ biss, fl-Istati Uniti kien hemm 81,000 każ ġdid. 

Fil-fatt, l-Amerika tibqa’ l-agħar milquta mill-virus, kemm f’termini ta’ każi u anke ta’ mwiet.

More in Barranin