'Iż-żieda ta' każi ta' COVID-19 fl-Ewropa qed tkun primarjament fost iż-żgħażagħ' - WHO

Qal dan id-Direttur reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għall-Ewropa Hans Kluge

L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qalet li madwar l-Ewropa ħafna żgħażagħ qed jittestjaw pożittiv għall-COVID-19.

Hans Kluge, id-direttur reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għall-Ewropa spjega kif skont ir-rapporti li qed jaslu mill-pajjiżi, iż-żieda fil-każi li qed tkun irreġistrata f’għadd ta’ pajjiżi hija primarjament fost persuni li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn l-20 u d-39 sena.

Fil-fatt, dan kien ikkonfermat minn diversi pajjiżi, fosthom Franza u l-Ġermanja anke għax iż-żagħżagħ qed joħorġu aktar, qed jiltaqgħu ma’ aktar nies u inqas hemm ċans li jżommu d-distanza.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Kluge insista li hu għandu żewġt ibniet u jifhem kif iż-żagħżagħ ma jixtiqux li jitilqu s-sajf u dak kollu li jġib miegħu.

Anke f’Malta, minkejja li ma ngħatawx dettalji tal-pazjenti li fl-aħħar jiem irriżultaw pożittiv għall-virus, iż-żieda sostanzjali tal-aħħar jiem kienet kawża primarjament tal-party Hotel Takeover li għalih attendew għexieren ta’ żagħżagħ. 

More in Barranin