Trump jhedded li jibgħat l-armata biex jikkontrolla l-protesti qalila f'diversi bliet u stati

Il-protesti għall-mewt ta’ George Floyd eskalaw matul l-aħħar ġimgħa

Il-President Amerikan Donald Trump hedded lid-dimostranti li lest jibgħat lill-armata biex tikkontrolla s-sitwazzjoni f’diversi stati fejn l-aħħar jiem kienu kkaraterizzati minn protesti qalila u anke ġlied wara li raġel miet waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija.

Trump saħaq li jekk l-ibliet u l-istati mhux se jikkontrollaw il-protesti u “jiddefendu r-residenti” se jkun qed jibgħat l-armata biex issolvi “malajr il-problema.”

Il-protesti għall-mewt ta’ George Floyd, raġel ta' karnaġjon skura, eskalaw matul l-aħħar ġimgħa. Filmati nxterdu fuq il-midja soċjali tal-arrest ta’ Floyd b’uffiċjal tal-pulizija jidher jagħfas irkopptejh ma' għonqu waqt li kien mal-art anke wara li dan intilef minn sensih u ma kienx qed jieħu nifs.

L-uffiċjal, Deek Chauvin, qed ikun akkużat bi qtil u se jittella’ l-Qorti l-ġimgħa li ġejja. Tliet uffiċjal oħra li kienu miegħu tkeċċew.

Erba’ pulizija weġġgħu f’Missouri wara li ġew sparati xi tiri lejhom.

Intant, f’Washington, il-pulizija kellha tuża l-gass tad-dmugħ biex twarrab il-protesti minn ġnien kbir viċin il-White House waqt li Trump kien qed jitkellem.

Aktar tard, Trump qasam il-ġnien biex imur quddiem knisja li ġarrbet xi ħsarat waqt il-protesti.

Id-dimostranti qed jakkużawh li uża l-forza kontra d-dimostranti biex ikun jista’ jmur quddiem din il-knisja u jippoża għal ritratt.

Intant, għexieren ta’ bliet kellhom jimponu curfews matul il-lejl. New York qed tkun taħt lockdown sal-5:00am filwaqt li Washington estendiet il-curfew għal żewġt iljieli oħra.

Fi New York ukoll, id-dipartiment famuż Macy ġarrab xi ħsarat, l-istess kif ġarrbu l-ħsarat diversi ħwienet u anke baned. Diversi persuni ġew arrestati. 

More in Barranin