Coronavirus | F'ġurnata fl-Italja jmutu kważi elf persuna; Madwar 11,000 fiequ

B'kollox, fl-Italja hemm 66,414-il pazjent li bħalissa qed jissieltu mall-coronavirus

Rekord ta' mwiet fl-Italja hekk kif fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom 969 persuna biex hekk, b'kollox, kienu 9,134 persuna dawk li tilfu ħajjithom, l-aktar pajjiż li fih il-coronavirus ħalla vittmi.

Intant, it-total ta' dawk li fiequ issa jlaħħaq l-10,950 persuna, hekk kif mill-bieraħ 589 persuna fiequ kompletament mill-virus. Ilbieraħ, fiequ 999 persuna.

B'kollox, fl-Italja hemm 66,414-il pazjent li bħalissa qed jissieltu mall-coronavirus.

Iżda jidher li hemm xaqq ta' tama hekk kif il-Gvernatur tal-Lombardia, ir-reġjun l-aktar milqut, Attilio Fontana, saħaq li ftit ftit jidher li l-kurva reġgħet bdiet nieżla, għax in-numru ta' każi ġodda beda nieżel ftit ftit. 

Minkejja dan saħaq li jridu jgħaddu madwar ħamest ijiem biex l-awtoritajiet ikollhom stampa aktar ċara.

Intant, il-każi fl-Istati Uniti ssuperaw dawk fiċ-Ċina u fl-Italja, biex issa l-Amerka huwa l-aktar pajjiż li kellu każi ta' coronavirus.

More in Barranin