Ruma | L-ewwel żewġ każijiet ikkonfermati ta' coronavirus fl-Italja

Il-Prim Ministru Conte jħabbar li l-Italja qed tissospendi t-titjiriet kollha minn u lejn iċ-Ċina

Il-President Taljan Giuseppe Conte ħabbar li fl-Italja hemm l-ewwel żewġ każijiet aċċertati tal-coronavirus.

Iż-żewġ turisti li ġew iċċertifikati li għandhom dan il-virus huma Ċiniżi, mir-reġjun ta’ Wuhan (minn fejn inxtered il-virus) u t-tnejn li huma kienu Ruma. 

Bħalissa, qed jinżammu f’iżolament fl-isptar Spallanzani. 

Jidher li ż-żewġ turisti għandhom kundizzjoni ta’ saħħa tajba u għalhekk hemm ċans kbir li dawn ifiequ.

Intant, kompla jħabbar il-Prim Ministru Conte, il-Gvern Taljan issospenda t-titjiriet kollha minn u lejn iċ-Ċina.

Iż-żewġ turisti, li għandhom 67 u 66 sena kienu qed joqogħdu fi Grand Hotel Palatino f’Via Cavour u kienu ilhom l-Italja tmint ijiem. 

Jidher li Ruma ma kinitx l-ewwel destinazzjoni tagħhom u qabel żaru xi postijiet oħra, inkluż Miran. 

Huma kienu parti minn tour. Fil-fatt, il-bqija tat-turisti li kienu fil-grupp magħhom ma tħallewx ikomplu bil-ġita tagħhom u bħalissa qed isiru wkoll xi testijiet fuqhom.

X’inhu l-coronavirus?

Il-coronavirus oriġina f’Wuhan fiċ-Ċina u qed ikun imlaqqam bħala “kuġin” tas-SARS, virus ieħor mill-istess familja.

Jidher li dan il-virus oriġina minn suq li jbigħ annimali selvaġġi ħajjin jew li jkunu għadhom kemm inqatlu, fosthom għasafar, fniek, friefet il-lejl u sriep.

Il-coronaviruses jgħaddu mill-annimali għall-bniedem, tant li l-ewwel nies ifettati kienu l-bejjiegħa stess.

Kemm hu komuni?

Għalkemm l-ewwel analiżi ssuġġeriet li l-virus kien simili għal dak komuni fis-sriep, issa jidher li huwa aktar simili għal dak komuni fil-friefet il-lejl.

B’kollox hemm 5,974 każ ikkonfermat u 9,329 każ ieħor li qed ikun suspettat li huwa coronavirus.

S’issa, madwar 132 persuna tilfu ħajjithom u apparti ċ-Ċina, kien hemm xi ftit każi oħra f’16-il pajjiż ieħor.

Aqra aktar hawn dwar il-prekawzjonijiet li ttieħdu f'Malta.

More in Barranin