Il-coronavirus mhuwiex aktar perikoluż mill-influwenza;' Prekawzjonijiet fl-Ajruport u Mater Dei

Ċentru barra Mater Dei biex jintuża f'każ li persuna tkun infettata bil-virus

Il-coronavirus mhuwiex aktar perikoluż mill-influwenza u ħafna minn dawk li tilfu ħajjithom kawża tagħha kienu anzjani u persuni li kellhom kundizzjonijiet serji ta’ saħħa.

Qal dan Christopher Barbara, Chairperson tad-Dipartiment tal-Patoloġija tal-Isptar Mater Dei waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għas-Saħħa.

Anke jekk skont il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, 95% tal-persuni infettati b’dan il-virus irnexxielhom ifiequ minnu, Malta se tkun qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li l-virus jasal Malta.

Fil-fatt, Fearne ħabbar li bdew jiġu eżaminati l-passiġġieri li jaslu Malta miċ-Ċina. Fil-fatt, fl-Ajruport, kienet ippreparata wkoll żona ta’ iżolament biex f’każ li passiġġiera juru sinjali tal-virus, jinżammu hemm sakemm jittieħdu miżuri oħra.

Il-passiġġieri li jaslu miċ-Ċina qed jintalbu jmorru fil-klinika tas-saħħa tal-Ajruport fejn qed ikunu mistoqsijia għadd ta’ mistoqsijiet u jekk it-tabib iħoss il-ħtieġa, saħansitra jagħmel xi testijiet oħra.

Prekawzjonijiet oħra f’Mater Dei u lilhinn

Fearne spjega wkoll li ttieħdu proċeduri ta’ prekawzjonijiet f’Mater Dei.

Fost oħrajn, ġew ippreparati żoni ta’ iżolament f’Mater Dei għal dawk li jkollhom bżonn it-testijiet u anke twaqqaf ċentru ‘l barra mill-isptar li fih se jkun hemm 12-il sodda, biex f’każ li jkun hawn persuni b’dan il-virus, il-pazjenti jiġu kkurati ‘l bogħod minn pazjenti oħra.

Preparamenti biex jekk ikun hemm bżonn il-Maltin jinġiebu lura miċ-Ċina

Il-Ministru Fearne kkonferma wkoll li bħalissa għaddejja ħidma konġunta mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biex f’każ li jkun hemm bżonn, il-Maltin li jinsabu fiċ-Ċina jinġiebu Malta mill-aktar fis.

Għalissa ma hemm l-ebda restrizzjoni ta’ safar, anke għal dawk il-pajjiżi fejn kien hemm każi tal-virus,

X’inhu l-coronavirus?

Il-coronavirus oriġina f’Wuhan fiċ-Ċina u qed ikun imlaqqam bħala “kuġin” tas-SARS, virus ieħor mill-istess familja.

Jidher li dan il-virus oriġina minn suq li jbigħ annimali selvaġġi ħajjin jew li jkunu għadhom kemm inqatlu, fosthom għasafar, fniek, friefet il-lejl u sriep.

Il-coronaviruses jgħaddu mill-annimali għall-bniedem, tant li l-ewwel nies ifettati kienu l-bejjiegħa stess.

Kemm hu komuni?

Għalkemm l-ewwel analiżi ssuġġeriet li l-virus kien simili għal dak komuni fis-sriep, issa jidher li huwa aktar simili għal dak komuni fil-friefet il-lejl.

B’kollox hemm 5,974 każ ikkonfermat u 9,329 każ ieħor li qed ikun suspettat li huwa coronavirus.

S’issa, madwar 132 persuna tilfu ħajjithom u apparti ċ-Ċina, kien hemm xi ftit każi oħra f’16-il pajjiż ieħor.

More in Politika