Filmati u anke ritratti qed juru dik li x’aktarx hija missila li laqtet u splodiet l-ajruplan tal-passiġġieri Ukren li waqa’ viċin Tehran, fl-Iran u ħalla 176 persuna mejta.
Kemm il-mexxejja Kanadiżi u anke tar-Renju Unit qed jitolbu investigazzjoni serja dwar dan l-inċident.
L-Iran qed tiċħad li l-ajruplan twaqqa’ mill-militar tagħha.
L-ajruplan waqa’ ftit sigħat wara li l-Iran attakkat bil-missili żewġ bażi militari tal-ajru Amerikani fl-Iraq.
Midja fl-Istati Uniti qed tispekola li jista’ jagħti l-każ li l-Iran żbalja u ħaseb li l-ajruplan tal-passiġġieri kien fil-fatt ajruplan militari tal-Istati Uniti.
It-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran eskalat fl-aħħar jiem wara li l-ġimgħa li għaddiet, fuq ordni tal-President Donald Trump, l-Amerikani wettqu attakk fl-Iraq u li fih inqatel Qasem Soleimani, ġeneral Iranjan meqjus bħala t-tieni l-aktar persuna b’saħħitha fil-pajjiż.