Tibda tinstema' fil-miftuħ l-inkjesta kontra l-President Donald Trump

Trump qed ikun akkużat li uża l-pożizzjoni tiegħu biex iġiegħel lill-Ukraina tibda investigazzjoni kontra r-rivali tiegħu Joe Biden

Bill Taylor waqt li qed jippreżenta evidenza ġdida
Bill Taylor waqt li qed jippreżenta evidenza ġdida

Diplomatiku għoli Amerikan qal lill-inkjesta pubblika li qed tinvestiga lill-President Amerikan, li Donald Trump direttament staqsa dwar investigazzjoni Ukrena fuq ir-rivali tiegħu, l-eks Viċi President Amerikan Joe Biden.

Joe Biden huwa l-favorit biex ikun il-kandidat ewlieni tal-Partit Demokratiku għall-elezzjonijiet presidenzjali tas-sena d-dieħla.

F’xhieda li kienet instemgħet bil-bibien magħluqa, Bill Taylor, li bħalissa qed iservi bħala l-ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Ukraina, saħaq li membru tal-istaff tiegħu infurmah li Trump ried lill-Ukraina tinvestiga lir-rivali tiegħu.

Fl-ewwel smigħ fil-miftuħ, Taylor spjega kif il-membru tal-istaff tiegħu sema’ t-telefonata li fiha Trump staqsa dwar l-investigazzjonijiet kontra Biden.

It-telefonata kienet ma’ Gordon Sondland, l-ambaxxatur tal-Istati Uniti mal-Unjoni Ewropea li, skont rapport, qal lill-President li l-Ukreni kienu lesti biex imexxu.

Wara din it-telefonata il-membru tal-istaff staqsa lil Sondland x’jaħseb Trump dwar l-Ukraina.

Skont Taylor, l-ambaxxatur wieġeb biss li l-President Trump jinteressah l-aktar dwar l-investigazzjonijiet fuq Biden.

Meta mistoqsi dwar Sondland, Trump qal li ftit li xejn jafu u li lanqas ma jiftakar lilu nnifsu jistaqsi dwar l-investigazzjonijiet.

Trump qed ikun akkużat li hedded li jwaqqaf l-għajnuna militari lill-Ukraina bil-għan li l-President il-ġdid Ukren ma jkollux għażla oħra ħlief li jħabbar inkjesta dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra Biden.

Fl-Istati Uniti huwa illegali li wieħed jitlob entitajiet barranin biex jgħinuh jirbaħ elezzjoni.

More in Barranin