L-Abbozz dwar l-abort pass eqreb biex isir liġi; Il-Gvern jivvota favur u l-Oppożizzjoni kontra

Il-Parlament ivvota biex l-Abbozz ta' Liġi jgħaddi għall-aħħar stadju Parlamentari liema stadju huwa wieħed importanti mmens hekk kif ikunu jistgħu jitressqu emendi

Il-vot biex l-emenda tal-abort tgħaddi għall-aħħar fażi Parlamentari ittieħed illum bid-Deputati tal-Gvern jivvotaw kollha favur filwaqt li dawk tal-Oppożizzjoni jivvotaw kollha kontra.

Il-vot kellu jittieħed nhar it-Tnejn li għadda iżda l-Oppożizzjoni talbet 'division' jiġifieri biex flok b'mod kollettiv, kull Deputati jiddikjara l-vot tiegħu. 

Wara dan il-vot, l-Abbozz li ressaq il-Gvern biex l-abort ikun permessibbli f'Malta meta l-ħajja jew inkella s-saħħa fiżika u mentali tal-mara tkun f'riskju 'gravi', jista' jgħaddi għall-istadju li jmiss, jiġifieri jmur quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi, dak l-istadju li matulu jkunu jistgħu jiġu ppreżentati l-emendi għall-Abbozz ta' Liġi.

Din il-ġimgħa, il-Parlament ixolji għall-vaganzi tal-Milied u dan ifisser li d-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari se tkun qed issir fl-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida. Fl-aħħar nett, biex l-Abbozz isir liġi, ikun hemm bżonn il-firma tal-President tar-Repubblika (ara aktar 'l isfel).

Din l-emenda qajmet diskussjoni sħiħa. Il-Gvern mhux juża il-kelma abort, filwaqt li l-Oppożizzjoni u diversi għaqdiet u professjonisti qed jinsistu li din l-emenda se tkun qed tiftaħ il-bieb beraħ biex jidħol l-abort f'Malta.

Fost l-aktar persuni voċiferi kontra l-emenda, hemm ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca imma anke eks uffiċjali tal-Partit Laburista, bħall-Avukat Joe Brincat, li qed jinsisti li jgħid x'jgħid il-Gvern, din l-emenda se ddaħħal l-abort.

Intant, il-President ta' Malta George Vella, li kemm-il darba tkellem kontra l-abort, ma ċaħadx rapporti li lest jirriżenja jekk din l-emenda tidħol fil-liġi u tiġi quddiemu għall-firma tiegħu. Ġaladarba issa d-diskussjoni se tkompli wara l-Milied, dan inaqqas il-pressjoni minn fuq il-President Vella f'dan iż-żmien importanti li fih il-ħidma tal-Uffiċċju tiegħu tkun iffukata fuq l-Istrina.

Kemm l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba (MAM), il-Unjin tal-Infermiera (MUMN), il-Kamra tal-Ispiżjara u xejn inqas minn 80 akkademiku wkoll huma kontra din l-emenda.

450 tabib iffirmaw petizzjoni kontra din l-emenda, anke jekk 'il fuq minn 100 akkademiku ieħor qal li jaqbel mal-emenda.

Il-Knisja wkoll hija kontra l-emenda tal-Gvern, bl-Isqfijiet jisħqu li f'pajjiżi oħra, inkluż fir-Renju Unit, l-abort daħal b'emenda simili.

Il-kwistjoni qed iddur madwar il-kelma saħħa hekk kif l-abort se jkun permessibbli biss mhux meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu imma anke meta s-saħħa tal-mara tkun f'riskju 'gravi.' Dawk kontra qed jisħqu li l-emenda hija wisq vaga u se tkun qed tiftaħ il-bieb biex l-abort jiddaħħal f'Malta għax hemm wisq lok għal interpretazzjoni.

Sal-lum, meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu, sakemm ma jkunux jistgħu jiġu salvati ż-żewġ ħajjiet, it-tobba jagħżlu li jsalvaw l-omm. Madanakollu dawn ma għandhom l-ebda ċertezza legali, anke jekk sal-lum qatt ma nqalgħu problemi minħabba dan. Il-Gvern qed jisħaq li din l-emenda se tagħti serħan il-moħħ u konfort legali għat-tobba u se tissalvagwardja l-ħajja u s-saħħa tal-omm.

Il-Prim Ministru Robert Abela indika diversi drabi li l-Gvern lest jiċċara t-terminoloġija iżda fl-istess ħin qal li l-ebda prinċipju mhu se jinbidel u r-referenza għas-saħħa tal-omm se tibqa' hemm.

Intant fil-ħin li kien qed jittieħed il-vot, għadd ta' attivisti favur l-abort inġabru quddiem il-Parlament biex iħeġġu lid-Deputati jivvotaw favur in-nisa, jiġifieri favur l-Abbozz tal-Gvern. Huma qalu li jinsabu ddiżgustati b'dak li ntqal u sar minn uħud mill-politiċi, anke meta "rredikolaw" mara li "għexet esperjenza terribbli."

Saħqu li l-Abbozz kif imressaq mill-Gvern huwa rikonoxximent "bażiku" li l-ħajja tan-nisa hija importanti. Qalu li min ma jaqbilx ma' dan l-Abbozz jew irid li jkun ristrett, ma għandux rispett lejn il-mara. 

Attivisti favur l-abort waqt li kien qed jittieħed il-vot
Attivisti favur l-abort waqt li kien qed jittieħed il-vot

Aqra wkoll:

Intervista | 'Se nassiguraw emenda li ma tagħti ebda lok għal abbuż' - Jonathan Attard

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba tgħid li l-emenda dwar l-abort se toħloq aktar problemi u mhux issolvihom

107 akkademiċi jiffirmaw dikjarazzjoni favur l-emenda tat-tqala

'Din l-emenda mhux bieb se tiftaħ imma runway biex jiddaħħal l-abort f'Malta' - Miriam Sciberras

'L-emenda titkellem fuq meta s-saħħa u mhux il-ħajja tal-omm tkun f'periklu; Dan abort' - l-Isqfijiet

'Dawn l-emendi se jġibu s-serħab il-moħħ lil kulħadd inkluż dawk b'mard rari u mentali' - Fearne

More in Politika