Il-kummerċjalizzazzjoni soluzzjoni għad-djun tal-klabbs tal-futbol

Dan il-pjan kapaċi jwassal ukoll għal investimenti infrasstrutturali akbar, jgħid sors mill-MFA 

L-ILLUM tkellmet ma’ sors viċin l-MFA, sabiex din il-persuna tispjega sew x’inju l-pjan ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-klabbs, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jattira aktar proġetti bħal dak li se jsir f’Santa Luċija, li għandu jkun wieħed mill-akbar kumplessi sportivi f’pajjiżna. 

Tul l-aħħar snin, l-MFA ilha titkellem fuq pjan ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-klabbs tal-futbol. B’dan, hi tkun tista’ tirregola aħjar id-djun tal-klabbs mal-Presidenti rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-klabbs rispettivi kapaċi jibbenifikaw minn investimenti akbar fil-faċilitajiet tagħhom, filwaqt li l-investitur ikun jista’ jieħu l-profitti sabiex jirkupra l-investiment. 

Kienu bosta l-każijiet fejn klabb spiċċa nvolut f’battalji legali kontra dak li kien l-eks President tiegħu. 

Bħala eżempju, wieħed jista’ jirreferi għall-każ tal-biljunarju Sirjan Kirdi, li fittex lil Naxxar Lions f’Qorti fil-Kanada għal somma ta’ madwar €600,000, li kienet tinkludi kemm pagamenti li hu investa fil-klabb kif ukoll danni li sofra sakemm dam President, liema finalment intrebħet mill-klabb Naxxari. 

Eżempju ieħor huwa ta’ Floriana FC vs Stephen Vaughan Jr tal-2014, fejn Floriana kienu qed jallegaw li Vaughan Jr kien jaf lill-klabb madwar €70,000 f’obligazzjonijiet relatati ma’ pagi tal-plejers, kowċis u ħaddiema oħra li ma kienux onorati. Minn naħa l-oħra, Vaughan Jr fittex lill-Floriana fuq ammonti li skontu kienu midjunin mill-klabb mingħandu. 

Dan il-każ ġie deċiż bi qbil bejn iż-żewġ partijiet barra mill-Qorti. Però, xorta jibqa’ l-fatt li każijiet ta’ din ix-xorta jħallu impatt negattiv, kemm fuq ir-reputazzjoni tal-futbol lokali, kif ukoll għax ikomplu jimpenjaw ir-riżorsi tal-klabb rispettiv, li diġa huma eżewriti kif inhuma. 

L-ewwelnett, is-sors spjega li dan m’huhiex se jkun rekwiżit għal kull klabb; kull klabb se jkollu l-għażla li jaddotta din is-sistema, jew inkella jibqa’ jaħdem bis-sistema kurrenti li ilu jopera biha. Is-sistema kurrenti hija dik ta’ elezzjoni waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, fejn jivvotaw il-membri kollha li jkunu ħallsu l-miżata ta’ sħubija mal-klabb dik is-sena, sabiex jiġi elett il-President u l-bqijja tal-Kumitat. 

Minflok din is-sistema, l-alternattiva li qed tippjana l-MFA hija li l-membri tal-klabb jinqasmu f’żewġ tipi. Tip B jkun kompost minn membri li jissieħbu permezz tal-istess sistema li hemm fis-seħħ bħalissa, jiġifieri billi jħallsu il-miżata annwali. L-intenzjoni hija li dawn il-membri jeleġġu numru ta’ membri fil-Kumitat tal-klabb. Dawn il-membri, huma dawk li jkollhom il-mansjoni li jieħdu ħsieb il-propjeta intellettwali tal-klabb, li tinkludi fost ohrajn logos, kits, innijiet u dawn ix-xorta t’affarijiet. 

Minn naħa l-oħra, Tip A se tkun komposta minn karatteristiċi pjuttost ġodda għall-futbol Malti. Din se tkun komposta minn persuna jew kumpanija li se japplikaw l-istess regoli għaliha bħallikieku kienet kumpanija kummerċjali. Meta din issir membru tat-Tip A, hi tkun qed tassorbi fiha d-djun tal-klabb, u tkun hi li tkun tista’ tiġi mfittxija minn min ikun dovut dan il-ħlas. Minn hawn jiġu eletti bejn erba’ u disa’ membri fil-Kumitat. 

Minn naħa l-oħra, it-tip l-iehor se tkun komposta minn karatteristiċi pjuttost ġodda għall-futbol Malti. Din se tkun komposta minn persuna jew kumpanija li se japplikaw l-istess regoli għaliha bħallikieku kienet kumpanija kummerċjali. Din il-klassi ta’ shubija ser jkollha l-maġġoranza ta’ rappreżentanza fil-kumitat tat-tmexxija, iżda b’hekk għall-ewwel darba wieħed jista’ jibda jitkellem dwar investiment kummerċjali fi’ klabbs b’għanijiet sportivi. 

Wieħed jistaqsi x’vantaġġ se jakkwista wieħed li jagħżel li jkun membru it-tieni tip ta’ sħubija. Filwaqt li l-propjetaijiet jibqgħu tal-klabb, din it-tip ta’ sħubija ser tagħti l-għodod neċċessarji sabiex jsir l-investimenti kummerċjali neċessarji, u dana mhux ghad-dettriment tal-parti sportiva, li ser tibqa fiċ-ċentru tal-ħidma tal-klabb. Fl-isfond ta’ dan , dan it-tip ta’ membru ser ikun aktar motivat sabiex jagħmel investimenti fl-infrasstruttura tal-klabb, li għalih jiġġenera profitt akbar, filwaqt li l-klabb igawdi minn faċilitajiet aqwa milli kellu qabel. 

Eżempju ta’ dan it-tip ta’ proġetti huwa l-proġett li hemm pjanat fil-premissi ta’ Santa Lucia FC. Skont permess li ddaħħal quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar ftit snin ilu, il-kompless kurrenti għandu jiġi żviluppat f’grawnd ġdid, parkeġġ taħt l-art, skola tal-futbol, dormitorji, kif ukoll pixxi fuq ġewwa. 

More in Lokali