Vittoriosa Stars ippenalizzati wara li kisru sospensjoni b'rabta mal-president tal-klabb

L-ILLUM kienet irrappurtat li l-eks-president tal-klabb Daniel Orsini kien baqa' jagħmel xogħol li normalment isir mill-president tal-klabb, minkejja li kien sospiż mill-MFA

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol naqqset tliet punti lil Vittoriosa Stars wara li nstabu ħatja li kisru sospensjoni fuq l-eks president tagħhom, Daniel Osini.

Dan wara rakkomandazzjoni mill-Kumitat tal-Etika u Konformità, u din id-deċiżjoni tista' tiġi appellata. Fi stqarrija mill-MFA, intqal li l-klabb tal-Birgu se jibda' dan l-istaġun bi tliet punti inqas miż-żero.

Dwar din is-sitwazzjoni, din il-gazzetta kitbet fit-tul dwar kif b'Orsini jagħmel xogħol ta' president mingħajr m'huwa president uffiċjali minħabba s-sospenzjoni tiegħu, dan kien qed jitfa' r-reputazzjoni tal-futbol lokali f'periklu. 

Sa ftit żmien ilu, Orsini kien qed iservi bħala l-President tal-klabb. Dan minkejja li kien qed jaffaċċja akkużi serji quddiem il-Qorti, peress li l-MFA trid tirrispetta l-prinċipju li wieħed huwa meqjus innoċenti sakemm ikun misjub ħati mill-Qrati.

Dawn l-akkużi, li jmorru lura għall-2016, jinkludu l-użu ta’ ismijiet u kwalifiki foloz, l-użu ta’ dokumenti foloz, kif ukoll li għamel qligħ minn dawn l-atti. Huwa nstab ħati fi Frar tal-2023, fejn ġie kkundannat għal tmintax-il xahar priġunerija sospiżi għal erba’ snin.

Ir-relazzjoni bejn Orsini u l-klabb tant hi viċin, li ristorant li għandu Orsini bl-isem ta’ D’Orsini għandu l-istess indirizz tal-klabb, jiġifieri Triq Desain, Il-Birgu. Bażikament, Orsini huwa l-operatur tal-każin tal-klabb. Tant hu hekk, li l-faċċata tar-ristorant għandha tabella mdaqqsa bil-kliem ‘Vittoriosa Stars FC’.

Fuq il-karti, dan m’għadux uffiċċjalment il-President tal-Klabb. Anzi, meta wieħed jiċċekkja fis-sistema tal-MFA sabiex jiċċekkja min hu reġistrat bħala membru tal-Kumitat, ma hemm l-ebda sottomissjoni. Minkejja dan, huwa evidenti li, de facto, l-irwol ta’ President qed jaqdih Daniel Orsini.

L-MFA kienet irrikonoxxiet l-assoċjazzjoni li Orsini għad għandu mal-klabb, u ma eskludietx li jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-klabb talli qed jonqos milli jimxi mad-deċiżjoni tal-bord. Naqqset milli tispeċifika dawn il-passi eżatt x’inhuma. Tipikament, dawn ivarjaw minn twissijiet u multi, għal penalità ta’ punti jew is-sospenzjoni tal-individwu u l-klabb mill-kampjonati lokali.

More in Lokali