Teddy Teuma l-protagonist fl-għola livell Franċiż

Il-plejer nazzjonali Malti skurja żewġ gowls u rreġistra assist hekk kif Reims għelbu lil Montpellier

Il-Ħadd 27 t’Awwissu, it-tim Franċiż ta’ Reims li jilgħab fl-għola diviżjoni tal-futbol Franċiż, lagħab barra minn daru kontra Montpellier. Għall-plejer internazzjonali Malta Teddy Teuma, din kienet l-ewwel logħba fejn kien mal-ewwel ħdax, mindu ingħaqad ma’ Reims fis-suq tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf.

Il-midfielder Malti kellu prestazzjoni indimentikabbli, hekk kif skurja żewġ gowls tal-istampi u kellu wkoll assist, biex b’hekk kien involut fil-gowls kollha tat-tim, li ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 3-1.

Kien fit-8 minuta ta’ logħob x’ħin it-tim ta’ Reims fetaħ l-iskor. Dan wara li corner li kien inkarigat minnu Teuma sab ras id-difensur Abdelhamid, li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb għalkollox lill-goalkeeper avversarju.

Fil-41 minuta, reġa kien Teuma l-protaġonista, hekk kif freekick tiegħu minn tarf il-kaxxa għola minn fuq il-barriera u sab ir-rokkna tal-lasta, biex b’hekk irdoppja l-vantaġġ għat-tim tiegħu.

Montpellier urew ambizzjoni ta’ rimonta, hekk kif fil-45+4 minuti Mousa Al-Taamari qabeż lid-difensur avversarju sabiex għamel inseriment għal ġol-kaxxa, fejn ikkonkluda tajjeb mit-tarf sabiex qasam id-distakk minn nofs.

Madanakollu, Teuma reġa kien pront u kabbar id-distakk għal żewġ gowls, meta fis-56 minuta waqa’ quddiemu ballun b’distazza konsiderevoli mill-kaxxa. Il-plejer Malti, b’teknika stupenda, ixxuttja mingħajr ma kkontrolla l-ballun, li segwentament reġa sab ruħu fir-rokna tax-xibka.

Wara l-logħba, il-kowċ ta’ Reims Will Still ma kellu xejn ħlief kliem ta’ tifħir fir-rigward ta’ Teuma, kif ukoll għall-impatt enormi li kellu fuq il-logħba. “Ninżalu l-kappell,” qal il-kowċ Ingliż-Belġjan.

Apparti minn hekk, il-ġurnal rinomat L’Équipe ħabbar l-aħjar 11-il plejer fil-kampjonat Franċiż ta’ din il-ġimgħa, fejn kien hemm l-inklużjoni ta’ Teuma. Aktar minn hekk, Teuma kien mgħoti l-għola punti (9) mill-plejers kollha, f’tim li inkluda wkoll lill-attakkant Franċiż Kylian Mbappe (8).

L-aħjar siltiet tal-logħba tista' tarahom hawnhekk.

More in Lokali