Possibbiltà li Stephen Vaughan Jr. ma jiġix approvat mill-MFA bħala President ta’ St. George’s FC
L-MFA tgħid li għadha ma rċevietx kommunikazzjoni; Vaughan Jr. għad ma sarlux l-iskrutinju tad-due diligence
Il-ġimgħa l-oħra tħabbret l-aħbar fuq il-midja soċjali ta’ St. George’s FC li inħatar Stephen Vaughan Jr. bħala President tal-klabb. Hekk kif ġie ppublikat mill-ILLUM, dan huwa persuna b’żewġ kundanni kriminali taħt ismu.
Dawn jirregwardaw theddid lejn kundistabbli tal-pulizija, kif ukoll tfixkil tal-kors tal-ġustizza, meta sellef il-karozza tiegħu lill-għarus t’oħtu sabiex jaħrab miż-żona wara li kien involut f’omiċidju ta’ kundistabbli ieħor.
Huwa diġa kellu esperjenza fil-futbol Malti bħala President ta’ Floriana FC, fejn wara r-riżenja tiegħu ġie mfittex mill-klabb għall-pagamenti li allegatament kien jafhom, li jammontaw għal €70,000.
Fid-dawl ta’ dan, il-mistoqsija qamet fuq kif persuna b’passat bħal dan għadda mill-proċess ta’ due diligence tal-Malta Football Association (MFA).
Madanakollu, meta mistoqsija fuq dan, l-MFA stqarret illi għalkemm taf bl-aħbar li ġiet ippubblikata fuq il-midja soċjali ta’ St. George’s, hi għadha ma rċeviet l-ebda kommunikazzjoni mill-klabb rigward tibdil fil-persuni fil-Kumitat tal-klabb.
Skont l-MFA, l-applikazzjoni tiegħu għandha trid tintbagħat lill-MFA għall-approvazzjoni. Ir-regolamenti tal-MFA jirrikjerdu uffiċjali tal-klabbs iridu jiġu skurtinizzati qabel jiġu approvati.
Dan ifisser li għalkemm Vaughan Jr. inħatar President ta’ St. George’s FC internament mill-klabb, għad hemm il-possibbiltà li dan ma jiġix approvat mill-MFA.