Il-logħba tal-ballun... Malta lagħbet mal-Italja għad-disa' darba fl-istorja

Malta tilfet dejjem, skurjat darbtejn u sofriet 21 gowl; it-tnejn żbaljaw żewġ penalties kull wieħed 

Hekk kif ilbieraħ rajna l-partita ta' Malta kontra l-Italja, li rat ħafna Maltin b'ħeġġa jagħtu s-sostenn, din il-gazzetta treġġa' lura ż-żmien u tfakkar fid-disa' logħbiet li kellha preċedentament mal-Italja. 

Infakkru wkoll li t-tim nazzjonali Malti beda b’telfa fi Grupp C ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2024 fil-Ġermanja. Il-Ħamis li għadda fi Skopje, il-Maltin kellhom il-mumenti tajbin ukoll iżda t-tim kien nieqes mill-kunfidena li konna mdorrijin biha f’dawn l-aħħar snin. Il-Maċedonja ta’ Fuq rebħu bi skor ta’ 2-1. Fl-ewwel taqsima, Malta għalqet tajjeb fuq wara. Fit-tieni taqsima żdiedet sew il-pressjoni u l-avversarji skurjaw darbtejn fi ftit ħin. Meta lejn l-aħħar minuti wasal il-gowl ta’ Yanick Yankham, il-Maċedonja ta’ Fuq inħakmu minn paniku u fihom daħlet xi ftit biża’ li jistgħu ma jirbħux il-partita u jieħdu tliet punti li kulħadd f’daru kontra Malta jkun irid jieħu.

Michele Marcholini hu wiċċ ġdid f’Malta u anki għall-futbol Ewropew. U fit-tieni partita tiegħu tal-lejla kontra l-Italja se jkollu ċans japprova lilu nnifsu fl-isfera internazzjonali, proprja kontra t-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. Mhux se tkun faċli u l-MFA, bil-President Bjorn Vassallo fuq quddiemnett, ħadu riskju xi ftit azzardad meta investew fih. Naturlament, wieħed irid jistenna u ma jistax jikkritika jew ifaħħar persuna qabel ma jkollu fuq xiex. 

B’Marcholini, l-MFA ma ħasbitx biss għall-partiti ta’ Malta u għall-preżent. Ħasbet fil-futur u fi proġett aktar komplut ta’ żgħażagħ u sistema li lkoll nisperaw li tħalli l-frott. 

It-tim nazzjonali Malti taħt Mangia għamel titjieb sostanzjali f’dik li hi mentalità u f’dak li huwa logħob. Malta rebħet il-pussess tal-ballun f’ħafna mill-partiti li lagħbet u dak diġà jitkellem waħdu peress li fil-passat, din kienet xi ħaġa li stajna biss noħolmu. Ir-riżultati baqgħu bejn wieħed u ieħor li kienu, sakemm ma mornix ħarira lura meta wieħed jikkonsidra li fl-aħħar grupp tan-Nations league bejn tliet timijiet, u li wieħed minnhom kien San Marino, spiċċajna fit-tieni post u tlifna darbtejn kontra l-Estonja. 

L-istennija għal-lejla hija kbira. L-Istadium Nazzjonali ta’ Ta Qali ilu mibjugħ għal aktar minn ġimgħatejn bil-Maltin fiduċjużi li jaraw partita sabiħa u li jaraw lit-tim Malti jagħti kull ma jista’. L-Italja waslu f’pajjiżna l-Ġimgħa filgħodu. Ġew f’Malta biex jirbħu u jikkonvinċu anki wara t-telfa kerha tal-Ħamis li għadda fi Stadio Diego Armando Maradona ta’ Napli kontra l-Ingilterra bi skor ta’ 2-1. L-iskor seta’ kien aktar ikrah għat-tim ta’ Roberto Mancini kieku l-Ingliżi qagħfdu aktar attenti quddiem il-lasti ta’ Donnarumma.  

Il-konfront tal-lejla bejn Malta u l-Italja se jkun id-disa’ wieħed fl-Istorja bejn iż-żewġ nazzjonijiet. Fil-poloz li telgħu ftit tax-xhur ilu, Malta ttellgħat fi Grupp C li jinkludi wkoll lill-Ingilterra. Din hi meqjusa bħala l-aktar polza attraenti li seta’ kellu pajjiżna. Fl-istess grupp hemm ukoll l-Ukrajna u l-Maċedonja ta’ Fuq.  

Il-kontinġent sħiħ tat-tim nazzjonali Taljan wasal f’Malta lbieraħ wara nofsinhar. Dan ġab miegħu f’pajjiżna aktar minn 50 ġurnalist mill-Ewropa, bl-akbar ammont tagħhom ikunu Taljani mill-istazzjonijiet tal-Mediaset u r-Rai, b’dawn tal-aħħar, bħal l-istazzjon nazzjonali tagħna, li se jxandar il-partita diretta fil-pajjiż kif sar dejjem fl-aħħar snin. Flimkien mal-istazzjonijiet televizivi, f’pajjiżna hawn ukoll ġurnalist jew tnejn minn kull gazzetta fl-Italja li jduru d-dinja biex jirrapurtaw l-iskwadra nazzjonali tagħhom. 

Wara r-rebħ tal-Kampjonat Ewropew, EURO 2020, l-Italja kellha falliment totali u ma kkwalifikatx għat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar. L-Italja kienet lagħbet fil-partiti tal-play-offs u ġiet eliminata proprju mill-Maċedona Ta’ Fuq, tim li jinsab fl-istess grupp u lagħbna kontra tiegħu l-Ħamis.  

Minn dakinhar sal-lum, il-kowċ nazzjonali Roberto Mancini kellu tibdil kbir fil-plejers. Induna li l-maġġoranza tal-plejers li wasluh biex isir Champion tal-Ewropa bħalhom, ma kienux se jwassluh biex jirbaħ mill-ġdid il-Kampjonat Ewropew li jmiss.  

Pedina importanti li se tkun nieqsa għal dejjem mill-iskwadra Taljana se tkun dik tal-ex Kap tad-Delegazzjoni, Gianluca Vialli, li miet fis-6 ta’ Jannar li għadda minħabba kanċer. Vialli kien ħabib kbir tal-kowċ Mancini u fil-passat kienu lagħbu flimkien ma’ Sampdoria u rebħu l-kampjonat Serie A fl-istaġun fl-istaġun 1990/91. Vialli jibqa’ l-aħħar captain ta’ Juventus li refa’ t-trofew tal-UEFA Champions League. 

Il-konfronti preċedenti bejn iż-żewġ nazzjonijiet dejjem offrew emozzjonijiet kbar għad-dilettanti, anki jekk l-Italja rebħu dejjem u xi drabi bi skors kbar.  

L-ewwel konfront bejn it-tnejn kien intlagħab fis-6 ta’ Ġunju 1986 fl-Istadium Nazzjonali. Kien konfront validu minn Grupp 2 tal-Kampjonati Ewropej u l-Italja rebħu bi skor ta’ 2-0, bil-gowls jaslu miż-żewġ plejers ta’ Inter, Riccardo Ferri u Alessandro Altobelli. Fl-istess partita, Altobelli kien anki żbalja żewġ penalties.  

Il-partita ta’ ritorn mill-istess grupp kienet intlagħbet fl-24 ta’ Jannar 1987 fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia ta’ Bergamo u l-Itlja rebħet bi skor ta’ 5-0. Il-gowls kienu skurjati minn Salvatore Bagni, Giuseppe Bergomi, darbtejn minn Alessandro Altobelli u mill-mibki Gianluca Vialli. Ftit tas-snin ilu, Altobelli kien iddikjara li wieħed mill-gowls li skurja f’din il-partita kien l-isbaħ wieħed tal-karriera, b’first timer fl-arja bil-ballun jgħaddi qisu sajjetta minn fuq ras il-goalkeeper John Bonello. 

It-tielet partita bejn iż-żewġ naħat tibqa’ l-aktar waħda li tibqa’ tissemma u ntlagħbet fid-19 ta’ Diċembru 1992, fl-Istadium Nazzjonali. L-Italja rebħet bi skor ta’ 2-1 iżda r-riżultat baqa’ inċert sal-aħħar bil-Maltin, taħt il-kowċ Pippo Psaila, li fl-aħħar minuti ħadu l-kontroll tal-partita f’idejhom. Din kellha tkun ukoll l-aħħar partita bil-flokk tat-tim nazzjonali Taljan għal Vialli li fetaħ l-iskor fis-60 minuta. Giuseppe Signori għamilhom 2-0, tliet pinuti wara. Fl-istess partita tkeċċa Franco Baresi u Malta ngħatat penalty, li ġie żbaljat minn Kristian Laferla. Minkejja dan, Malta skurjat il-gowl tagħha minn Martin Gregory fis-86 minuta, b’azzjoni eżemplari bejn Raymond Vella, Charles Scerri u Carmel Busuttil. Wara dan il-grupp, l-Italja kienet kwalifikat u lagħbet it-Tazza tad-Dinja, USA ’94, u tilfet biss fil-finali kontra l-Brażil wara l-għoti tal-penalties.  

Il-partita ta’ ritorn kienet storja oħra. Intlagħbet fl-24 ta’ Marzu 1993 fi Stadio Renzo Barbera ta’ Palermo u l-Italja rebħet bi skor ta’ 6-1. Il-gowls waslu minn Dino Baggio, Giuseppe Signori, Pietro Vierchowod, Paolo Maldini u żewġ gowls tal-kowċ tal-lum, Roberto Mancini. Għal Malta kien skurja Carmel Busuttil minn penalty. 

Biex naraw liż-żewġ timijiet jilagħbu kontra xulxin f’partita oħra ta’ kwalifikazzjoni kellna nistennew kważi 19-il sena. Il-plejers inbidlu kollha u t-tmexxija tal-MFA ukoll. Minn żmien l-Avukati Gorg Abela u Joe Mifsud, issa t-tron tal-Assoċjazzjoni kien għadda taħt idejn Norman Darmanin Demajo bil-kowċ nazzjonali jkun Pietro Ghedin. 

Malta telgħet fl-istess Grupp B ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja u fil-11 ta’ Settembru 2012, lagħbet kontra l-Italja fi Stadio Alberto Braglia, f’Modena. It-Taljani rebħu bi skor ta’ 2-0 b’gowls ta’ Mattie Destro u Federico Peluso. 

Il-partita ta’ ritorn f’Ta’ Qali kienet intlagħbet fis-26 ta’ Marzu 2013, eżattament 10 snin ilu. Malta tilfet bl-istess skor ta’ 2-0 b’żewġ gowls ta’ Mario Balotelli fl-ewwel taqsima. 

Is-seba’ konfront bejn Malta u l-Italja ntlagħab fit-13 ta’ Ottubru 2014 f’Ta’ Qali u l-uniku gowl li fired iż-żewġ naħat kien ġie skurjat minn Graziano Pelle’ fit-23 minuta. Fl-istess partita, Malta falliet penalty meta Michael Mifsud ra x-xutt mill-11-il metru salvat minn Gianluigi Buffon. Fl-istess partita, Mifsud kien tkeċċa għal Malta mentri Leonardo Bonucci kien tkeċċa għall-Italja minħabba foul tal-aħħar raġel fuq Andre Schembri. 

L-aħħar konfront bejn it-tnejn imur lura għal dak ta’ ritorn minn dan il-Grupp H ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Intlagħab fit-3 ta’ Settembru 2015 fi Stadio Artemio Franchi ta’ Firenze. L-Italja rebħet bl-istess skor ta’ 1-0 bl-istess scorer tal-partita jkun Pelle’, gowl kontroversjali li fl-istess azzjoni kien hemm possibbilment foul u offside favur Malta. Fil-konferenza ta’ wara l-partita, meta mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti Taljani stess, il-kowċ Antonio Conte ma ridx jirrispondi. 

Fit-tmien konfronti bejn xulxin, l-Italja rebħet dejjem, skurjat 21 gowl kontra t-tnejn ta’ Malta li ironikament żbaljat ukoll żewġ penalties. 

Il-partita tal-lejla se tikteb parti oħra mill-Istorja sabiħa ta’ partiti bejn Malta u l-Italja. Ovvjament, kull naħa għandha l-miri tagħha stabbiliti. Malta biex tagħti l-aqwa prestazzjoni possibbili u l-Italja biex tirbaħ il-Kampjonat Ewropew għat-tieni darba konsekuttiva u t-tielet wieħed fl-Istorja tal-futbol. 

Kont taf li...

L-ewwel konfront fl-Istorja bejn Malta u l-Italja tas-6 ta’ Diċembru 1986, kien intlagħab taħt tensjoni politika kbira. Dan għax ftit sigħat qabel il-partita, fil-lejl tal-5 ta’ Diċembru, kien inqatel Raymond Caruana fil-Każin tal-Partit Nazzjonali fil-Gudja. Persuna jew persuni kienu għaddew minn quddiem il-każin u sparaw tiri fid-direzzjoni tal-bieb ta’ barra, bil-konsegwenza li tir minnhom mar fuq xi ħaġa fil-viċinanzi u spiċċa laqat liż-żagħżugħ ta’ 26 sena. Id-delitt kien kexkex pajjiż sħiħ u għadu sal-lum mhux solvut.    

More in Lokali