L-MAAA bit-tieni avveniment tal-atletika wara r-ritorn b’suċċess tas-sibt li għadda
Il-kompetizzjonijiet tas-Sibt se jservu wkoll biex l-atleti jkomplu jħejju ruħom għaċ-Challenge Meetings li se jsiru aktar tard dan ix-xahar
Wara li nhar is-Sibt li għadda l-kompetizzjonijiet tal-atletika f’pajjiżna rritornaw b’għadd ta’ riżultati tajbin, il-Malta Amateur Athletic Association se tkun qed terġa’ tilqa’ lill-atleti fit-trakka tal-Marsa s-Sibt li ġej fit-tieni avveniment tagħha tul dan is-sajf.
L-atleti lokali rritornaw lura għall-kompetizzjonijiet b’għadd ta’ ħinijiet u distanzi tajbin wara xhur weqfin mill-attività kompetittiva, u b’hekk hemm stennija għal prestazzjonijiet aħjar f’din it-tieni opportunità fejn l-aqwa atleti f’pajjiżna jistgħu jittraduċu xhur ta’ taħriġ intensiv f’riżultati prestiġjużi.
Dan it-tieni avveniment se jfisser ukoll ir-ritorn tat-tiġrijiet bil-hurdles, li kienu assenti fl-ewwel meeting, b’100 metru għan-nisa, 110m għall-irġiel u 400 metru.
Għal darb’oħra se jkunu osservati protokolli stretti tas-saħħa u s-sigurtà skont id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa biex jitħarsu l-atleti u l-uffiċjali. Madankollu, wara li fil-ġranet li għaddew tneħħiet l-emerġenza tas-saħħa pubblika, il-pubbliku lokali se jkun jista’ jattendi għal dan l-avveniment.
Il-kompetizzjonijiet tas-Sibt se jservu wkoll biex l-atleti jkomplu jħejju ruħom għaċ-Challenge Meetings li se jsiru aktar tard dan ix-xahar u eventwalment għall-Kampjonati Nazzjonali tant mistennija li jwasslu dan l-istaġun tant twil għat-tmiem tiegħu fit-22 u t-23 ta’ Awwissu.
L-atleti jkunu wkoll qed iżidu r-ritmu tagħhom fl-aħħar parti tal-istaġun bit-tama li jiksbu Seasonal Bests – l-aqwa riżultati fl-istaġjun, u possibbilment jiksbu ħinijiet li jippermettulhom jikkwalifikaw għal avvenimenti internazzjonali fl-istaġun li ġej.
Ara hawn taħt il-programm sħiħ: