'L-intenzjoni tal-gvern li niżguraw li l-isport ikun ċentrali fil-ħajja u fis-soċjetà tagħna'

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal dan waqt it-tnedija tat-tieni edizzjoni tas-Superleague Triathlon f’Malta

Waqt konferenza stampa, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima nedew it-tieni edizzjoni tas-Superleague Triathlon li se ssir bejn id-19 u l-20 ta’ Ottubru. Dan l-avveniment sportiv, li hu parti minn kampjonat dinji, jgħaqqad f’tellieqa waħda l-għawm, il-ġiri u ċ-ċikliżmu, u jġib uħud mill-aqwa ismijiet magħrufa fl-isport tat-triathlon.

It-tieni edizzjoni ta’ Superleague Triathlon f’pajjiżna tifforma parti minn kampjonat dinji, bi tlielaq f’Jersey, f’Ottowa u f’Singapore fost l-oħrajn u tixxandar madwar id-dinja quddiem udjenzi li jaqbżu l-biljun u nofs persuna. L-avveniment f’pajjiżna se jittella’ fl-inħawi tal-Birgu u ta’ Bormla.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien preżenti wkoll għat-tnedija u fisser li minbarra li pajjiżna qed jospita avveniment ieħor ta’ kwalità, dan l-avveniment se jixxandar madwar id-dinja quddiem udjenzi ta’ miljuni ta’ persuni.

Dan se jesponi l-wirt naturali u kulturali li għandu pajjiżna speċjalment fl-inħawi tal-Kottonera u tal-Port il-Kbir. Il-ministru rringrazzja lid-diriġenti ta’ Superleague Triathlon li għal sena oħra reġgħu għażlu lil pajjiżna għal round minn dan il-kampjonat prestiġjuż.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li l-gvern hu impenjat li jkompli jospita avvenimenti internazzjonali bħas-Super League Triathlon f’Malta.

“Hi l-intenzjoni tal-gvern li niżguraw li l-isport ikun ċentrali fil-ħajja u fis-soċjetà tagħna. Permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport qed naraw li nidentifikaw u li nrawmu atleti professjonali. Malta għandha l-ekosistema ideali biex tospita avvenimenti ta’ livell għoli inklużi faċilitajiet sportivi ta’ kwalità għolja, temp tajjeb is-sena kollha u atmosfera meraviljuża. Jien fiduċjuż li bir-riżorsi meħtieġa nistgħu nissodisfaw l-ambizzjoni tagħna u ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jirnexxu fl-isport fuq livell internazzjonali,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Grima.

Waqt it-tnedija kien hemm preżenti iktar minn 60 atleta professjonali minn madwar id-dinja li jieħdu sehem fit-triathlon fi tmiem din il-ġimgħa. Uħud minnhom se jipparteċipaw anke fl-Olimpjadi ta’ Tokyo s-sajf li ġej. Magħhom se jieħu sehem ukoll l-atleta Malti Shaun Galea li f’età żgħira diġà rebaħ diversi kampjonati fuq livell lokali.

Minbarra l-impenji tagħhom fis-Superleague Triathlon, l-atleti qed jagħmlu eżerċizzji ta’ outreach fil-komunità sabiex jedukaw dwar l-effetti pożittivi tal-isport u ta’ ħajja attiva. Wieħed minn dawn l-avvenimenti kien li ltaqgħu ma’ studenti fl-iskola primarja ta’ San Ġwann.

Fil-fatt, żaru din l-iskola wkoll il-Ministru Konrad Mizzi u s-Segratarju Parlamentari Clifton Grima fejn flimkien mal-aqwa atleti mondjali tat-triathlon, kellhom interazzjoni mat-tfal tal-iskola permezz ta’ attivitajiet varji. Għal dan l-għan, l-iskola primarja ta’ San Ġwann ippreparat programm ta’ attivitajiet fl-iskola inklużi sports day, Q&A ma’ uħud mill-atleti, eżerċizzju fiżiku varjat, dawra bir-roti u inizjattivi oħra bil-għan li jkun hemm għarfien akbar fuq dan l-isport.

 

More in Lokali