'Jekk ikollok il-motivazzjoni li tirnexxi, ħadd u xejn mhu ħa jwaqqfek' - Dunstan Vella

L-ILLUM tkompli tiltaqa' ma' aktar plejers żgħażagħ li huma l-futur tal-futbol Malti

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet bis-saħħa ta' missieri meta minn ta’ età żgħira daħħalni fin-nursery ta’ Ħaż-Żabbar.

Kemm tgħallimt mill-esperjenza ma’ Pietà Hotspurs?

Kif kulħadd jaf, in-nursery ta’ Pietà Hotspurs hija waħda mill-aqwa nurseries li hawn ġo Malta. Ma' Pietà Hotspurs għamilt sitt staġuni fejn tgħallimt ħafna affarijiet.

U xi tgħidli dwar l-esperjenza ma’ Hibernians?

Dan huwa d-disa' staġun tiegħi ma' Hibernians, fejn nista' ngħid li matul dawn is-snin, żviluppajt biżżejjed biex intejjeb il-kapaċitajiet tiegħi.

Xi tgħidli fuq il-kowċ Mark Miller?

Il-kowċ Mark Miller kien importanti għalija personali fis-sentejn li għaddew għax tani iżjed ċans biex inkun regolari fit-tim ta' Hibernians.

U issa għandkom lil Stefano Sanderra bħala kowċ. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwaru?

Fuq il-kowċ Stefano Sanderra, dan għandu stil differenti minn dak ta’ kowċ Miller li nemmen li jaddatta iżjed għat-tim tagħna.

Mhux sigriet li Hibs dejjem jippruvaw jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat hux hekk?

It-tim tal-Hibs dejjem jissielet biex ikun ma ta’ fuq.

Int tilgħab ukoll mat-tim nazzjonali Malti. X’inhi l-esperjenza tiegħek meta tirrappreżenta lil pajjiżek?

Huwa ta’ unur kbir li tirrappreżenta lil pajjiżek.

X'ħassejt meta sena ilu ddebuttajt mat-tim nazzjonali 'A'?

Il-ħolma ta’ kull plejer Malti hi li xi darba jirrappreżenta lil pajjiżu. 

Issa hemm Ray Farrugia bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti. Taqbel miegħi li huwa kowċ ta’ ċertu kariżma?

Naqbel li huwa kowċ ta’ ċertu kariżma.

Semmejt it-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. Int kont ukoll ma’ Silvio Vella. Kemm tgħallimt mingħand dan il-kowċ?

Il-kowċ Silvio Vella jgħin lil kull plejer kif wieħed jista’ jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu.

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier? U taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Kulħadd għandu opinjonijiet differenti fuq il-format tal-kampjonat. It-timijiet ‘iż-żgħar’ sa ċertu punt però, kull tim jista' jeħodlok il-punti.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Isir xi jsir, kull plejer Malti irid jibqa' jagħti sehemu u jitħarreġ b'mod normali u juri li kapaċi jilgħab flok plejer barrani.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Il-livell ta’ barranin miż-żmien ta’ qabel meta l-kampjonat kien bi tliet barranin huwa differenti għaliex diffiċli ssib seba' barranin kollha ta’ stoffa bħal qabel.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Kull plejer irid jagħmel is-sagrifiċċju biex fl-aħħar mill-aħħar jieħu dak li ħaqqu.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-futbol?

Li tkun taħdem full-time u wara tmur titħarreġ mhijiex faċli, però jekk ikollok il-motivazzjoni li tagħmilha, ħadd u xejn mhu ħa jwaqqfek.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. 

Messaġġ żgħir mingħandi huwa li qatt m’għandek taqta’ qalbek, tibqa' titħarreġ u meta jiġi ċ-ċans trid turi l-kapaċitajiet tiegħek

More in Lokali