'F'kull tellieqa li nispiċċa nkun kuntent bis-sagrifiċċji li nagħmel'

Dillon Cassar - atleta ewlieni f'Malta li għad għandu biss 22 sena iżda li diġà kiseb diversi riżultati ferm pożittivi u inkoraġġanti fl-isport li tant iħobb - l-atletika

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta' sports ieħor?

L-atletika saret tfisser ħafna għalija fejn għalkemm fiha ħafna tbatija, dan l-isport ressaqni iktar viċin tiegħi nnifsi fejn wara ġurnata xogħol inkun nista' nirrilassa u nserraħ moħħi billi mmur għat-taħriġ.

X'ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Dan l-isport iġegħelni nesprimi ruħi u dejjem nipprattika biex dejjem intejjeb il-ħinijiet tiegħi. Ovvjament kollox pass pass iżda bis-saħħa tal-familja u t-tfajla tiegħi, dawn jagħtuni appoġġ kontinwu biex dejjem nimxi fit-triq it-tajba.

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Kien missieri stess li ispirani f'dan l-isport u mxejt fil-passi li jagħtini hu peress li għandu esperjenza f'dan l-isport. Hu kien u għadu fl-atletika kif ukoll huwa l-kowċ tiegħi. B'hekk ikun jista' jgħinni ħafna aħjar għax jaf x'jiġifieri l-atletika.

Liema unuri prinċipali rnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek sa issa?

Irnexxieli nikseb ftit mhux ħażin, fosthom il-Fleur-de-lys 5km fejn spiċċajt fl-ewwel post f'ħin ta' 15.38, Żurrieq 10k fejn spiċċajt l-ewwel f'ħin ta' 32.51 u rnexxieli nagħmel ukoll course record kif ukoll Attard 5km fejn erġajt spiċċajt l-ewwel f'ħin ta’ 15.41 fejn irnexxieli wkoll nagħmel course record. Waħda mill-isbaħ esperjenzi kienet meta pparteċipajt fil-Cardiff Cross Challenge fejn irrappreżentajt lil Malta u spiċċajt fis-26 post!

Ta' kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

Bdejt nipprattika l-isport ta' 20 sena, sentejn ilu. B'hekk għadni fil-bidu tal- karriera tiegħi iżda naf li pass pass kollox għad jasal.

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek sa issa?

L-aħjar ħinijiet tiegħi kienu fil-5km ta' 15-il minuta u 33 sekonda u fl-10km ta' 32.38.

Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħalma huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Ovvjament, il-media tagħtina appoġġ f'ċerti tlielaq iżda fejn ħafna nies jaħsbu li tellieqa ta' 5km tkun qasira iżda wara l-ħin li tkun ksibt hemm ħafna tbatija u determinazzjoni.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Il-ħolma tiegħi hija dik li dejjem inkun aħjar milli nkun ġurnata b'ġurnata. Illum nemmen li l-ħajja fiha t-tbatija speċjalment f'dan l-isport iżda nemmen li bis-sapport li għandi u t-taħriġ li jagħtini missieri, nista' nimxi 'l quddiem.

X'sagrifiċċji jitlob l-isport li int tipprattikka?

Fih ħafna sagrifiċċji speċjalment marbuta ma' ikel u dieta. L-atletika fiha ħafna ħin ta' taħriġ u mistrieħ biex int tkun tista' tirkupra biex dejjem tkun fl-aqwa forma possibbli. Tara ħafna żgħażagħ bħali ta’ 21 sena, jagħmlu ljieli barra iżda biex tkun determinat f'dan l-isport trid tistrieħ biex filgħodu dejjem ikollok saħħa biex titħarreġ u mhux tkun imkisser mill-ħruġ. Iżda dan ma jbiddilx il-fatt li kuljum id-determinazzjoni tiegħi tikber lejn dan l-isport.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta' kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. X’taħseb?

Fl-isport kollu ssib hekk iżda b'hekk inti tkun tista' tkompli d-determinazzjoni tiegħek u dejjem tipprova tkun aħjar milli kont ilbieraħ

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

B'kollox dan l-isport fih ħafna determinazzjoni u sagrifiċċji iżda wara kollox f'kull tellieqa li nispiċċa nkun kuntent bis-sagrifiċċji li nagħmel u b'hekk ikolli d-determinazjoni biex inkompli nikseb riżultati pożittivi!

More in Lokali