'Il-waterpolo huwa utli biex iżommok b'saħħtek u titgħallem kif tilgħab ġo tim, u mhux waħdek'

Sebi Stellini - talent żagħżugħ fil-waterpolo lokali fejn jimmilita kemm ma' Neptunes kif ukoll mat-tim nazzjonali ta' taħt is-17-il sena. F'din l-intervista, se nkunu qed insiru nafuh aħjar.

Sebi Stellini
Sebi Stellini

Sebi Stellini - talent żagħżugħ fil-waterpolo lokali fejn jimmilita kemm ma' Neptunes kif ukoll mat-tim nazzjonali ta' taħt is-17-il sena. F'din l-intervista, se nkunu qed insiru nafuh aħjar.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Minn età żgħira ħafna, kont espost għall-waterpolo, billi missieri, iz-ziju tiegħi u n- nannu, kollha lagħbu l-waterpolo. Aħna familja twelidna fil-logħba tal-waterpolo fil- klabb tan-Neptunes.

X'tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom titħarrġu u tilagħbu f'Malta?

Hemm bżonn ta' aktar pixxini. Fix-xitwa, il-klabbs kollha jitħarrġu f'pixxina waħda. M' hemmx biżżejjed spazju għal kulħadd, u xi drabi l-ħin ikun limitat. Ikun sabiħ ukoll kieku l-pixxini jkunu fil-magħluq għax fix-xitwa l-bard jinħass. 

X'sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejer tal-waterpolo?

Taħriġ kulljum - sajf u xitwa - bard jew sħana. Fis-sajf darbtejn kuljum biex nitħarrġu sew għall-kampjonat. Sagrifiċċji jinkludu li toqgħod lura minn ħruġ mal-ħbieb qabel xi logħba, u tqum kmieni biex titħarreġ.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ, l-istudju u mal-waterpolo?

Importanti illi tkun organizzat, u tkun kapaċi tqassam il-ħin tiegħek sew. Fil-ħin tal- istudju trid tkun ikkonċentrat biex imbagħad tkun moħħok mistrieħ fil-ħin tat-taħriġ.

Kif tiddeskrivi l-aħħar staġun tiegħek ma' Neptunes kemm għalik personali u anki bħala tim?

Fl-istaġun li għadda n-Neptunes rebħu kollox. Kellna sena tajba ħafna. Jien kont parti mit-timijiet tal-under15, under 17 u under 20. Fit-tliet kampjonati, in-Neptunes tilfu logħba waħda biss. Konna tassew b'saħħitna!

Qbilt mas-sistema tal-play-offs?

Il-play-offs huma mod kif il-klabbs il-kbar jistgħu jagħtu ċans lill-plejers żgħażagħ, fl- ewwel parti tal-kampjonat. Meta mbagħad jiġi l-logħob iebes tal-play-offs, il-klabb għandu jkun lest biex jagħti l-aħjar tiegħu. 

Tixtieq u tqis li fil-futur tissejjaħ mill-kowċ Karl Izzo biex imbagħad tifforma parti mit-tim nazzjonali Malti tal-kbar?

Bħalissa nifforma parti mit-tim nazzjonali tal-under 17. Hija  xi ħaġa sabiħa li wara dak it-taħriġ kollu, jekk wieħed ikollu staġun tajba jissejjaħ mill-kowċ nazzjonali. Huwa ta' unur ukoll li wieħed jilgħab għal pajjiżu.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo.

Huwa importanti li jeħduh bis-serjetà. Il-waterpolo huwa sport sabiħ ħafna, li jeħtieġ li wieħed ikun iddedikat u jitħarreġ bis-serjetà. L-isport innifsu huwa tajjeb ukoll biex iżommok b'saħħtek u titgħallem kif tilgħab ġo tim, u mhux waħdek.

 

More in Lokali