'L-isport huwa importanti għax apparti li żżomm ruħek attiv, jgħaqqad lil kulħadd'

Clint Mifsud - pedina importanti kemm ta' Luxol Futsal kif ukoll tat-tim nazzjonali tal-futsal. Kien strumentali biex it-tim ta' Luxol kiseb id-double matul l-istaġun li għadda.

Clint Mifsud - pedina importanti kemm ta' Luxol Futsal kif ukoll tat-tim nazzjonali tal-futsal. Kien strumentali biex it-tim ta' Luxol kiseb id-double matul l-istaġun li għadda.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

L-imħabba tiegħi lejn il-futsal bdiet daqs għaxar snin ilu meta grupp tax-xogħol iddeċidejna li ngħaqdu tim. Dak iż-żmien il-futsal kien għadu jintlagħab barra b'erba' diviżjonijiet. Minn hemmhekk baqgħet togħġobni I-logħba u bqajt nilgħab.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt - x'tikkummenta fuq ir-rebħ tal-Kampjonat u tan-Knock-Out minn Luxol Futsal ftit tal-ġimgħat ilu?

Hija xi ħaġa illi wara sena ta' sagrifiċċju u taħriġ kuljum wara ġurnata xogħol kulħadd ikun qed jistenna. Konna tim magħqud u ħdimna id f'id mal-kowċ u l-kumitat.

Kemm tħoss illi l-MFA qed tagħmel biżżejjed sabiex il-futsal jiżviluppa f’pajjiżna?

Naħseb illi biex il futsal jiżviluppa iktar f'pajjiżna jrid ikun hemm pjan fit-tul tas-sistema tal-kampjonat u fejn jintlagħab. Barra minn hekk nemmen li ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu diskussi għall-interess tagħna l-Maltin biex inkunu nistgħu nkomplu ntejbu l-prestazzjoni tagħna kemm lokalment u anke internazzjonalment. Naħseb illi jrid jingħata iktar ħin fuq il-programmi sportivi wkoll.

Kemm inti kuntent fil-post fejn tilagħbu l-futsal, jiġifieri l-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u anki fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport?

Naħseb li kieku fil-padiljun ta' Kordin isir tapit li jista' jintlagħab il-futsal fuqu jiġu evitati ħafna injuries.

Rigward il-padiljun fl-iskola Nazzjonali, il-pitch huwa attrezzat ħafna iktar għal-logħob.

Xi tgħidli dwar is-sigurtà li teżisti bħalissa fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin?

Il-preżenza tal-pulizija u tal-membri tas-sigurtà żdiedet u qegħdin jagħmlu xogħol tajjeb.

X'tikkummenta fuq il-kumitat ta' Luxol immexxi mic-Chairman Joseph Aquilina u mill-president Mario Vella?

M'għandi xejn xi ngħid fuq il-kumitat ħlief grazzi specjalment lill-president Mario Vella u ċ-Chairman Joe Aquilina. Ilkoll ħadmu u għamlu s-sagrifiċċji tagħhom biex ilħaqna l-għanijiet tagħna.

U fuq il-kowċ Gabriel Dobre?

Gabriel Dobre huwa kowċ strett imma tkun taf fejn qiegħed miegħu. Is-suċċess li ksibna din is-sena huwa frott tal-ħidma u l-persistenza tiegħu.

X'tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali tal-futsal?

Hija xi ħaġa li nibqa’ ngħożż. Li tilbes il-flokk ta' pajjiżek u tisma' l-innu nazzjonali jindaqq huwa unur. L-esperjenza tagħna fl-Isvezja kienet esperjenza sabiħa li lgħabna l-qualifying round tat-Tazza tad-Dinja u lkoll tgħallimna mil-logħbiet li lgħabna. 

Nibqa' nagħti l-mija fil-mija tiegħi biex kull darba li jkun hemm in-nazzjonal inkun biċ-ċans li nirrappreżenta lil pajjiżi. 

U fuq il-kowċ Vic Hermans?

Vic Hermans huwa kowċ b'esperjenza kbira fil-futsal u nistgħu nitgħallmu iktar minnu jekk jingħata iktar ħin ta' taħriġ u logħbiet ta' ħbiberija għan-Nazzjonal.

Nirringrazzjah tal-fiduċja li tani fil-logħbiet. 

Kemm tħoss li huwa importanti l-isport fil-ħajja tal-bniedem?

L-isport huwa xi ħaġa li dejjem kont inħobb. Jiena nemmen li l-isport huwa importanti għax apparti li żżomm ruħek attiv, jgħaqqad lil kulħadd.

 

More in Lokali