'Il-badminton jista' jtella' veloċità fix-shots sa iktar min 400 kilometru fis-siegħa'

 

Sam Cassar - fost l-aqwa plejers li pproduċa l-badminton lokali f'dawn l-aħħar snin tant li huwa ċ-champion ta’ Malta fil men’s u l-mixed doubles.

Kif iltqajt mal-isport tal-badminton?

Fil-verità jien ma ltqajtx mal-badminton, twelidt fih. Il-ġenituri tiegħi kienu jilagħbu l-badminton u għadhom involuti sal-lum, missieri bħala kowċ u ommi bħala segretarja ġenerali ta’ Badminton Malta. Qabel kont nipprattika iktar sports u l-iktar li kienu laqtuni kienu l-futbol u l-badminton. Meta kelli madwar 13-il sena kelli nagħżel wieħed minnhom. Indunajt li probabbli jkolli iktar ċans neċċella fil-badminton u allura għażilt lilu bħala sport li nipprattika.

X’jogħġbok l-iktar f’dan l-isport tista’ tgħid uniku?

Fil-badminton togħġobni l-ħaġa li kull deċiżjoni li tieħu, għandek inqas minn nofs sekonda biex taħseb x’se tagħmel wara dik l-azzjoni. Il-badminton huwa l-iktar racket sport veloċi fid-dinja. Ħafna nies jaħsbu li t-table tennis jew it-tennis huma l-iktar veloċi imma fil-verità l-badminton huwa l-iktar wieħed veloċi għax jista' jtella' veloċità fix-shots sa iktar min 400 kilometru fis-siegħa. 

X'tikkummenta fuq l-operat ta’ Badminton Malta? 

Bħalissa naħseb li Badminton Malta miexja fit-triq it-tajba u għamlet titjib kbir matul dawn is-snin. Fl-ewwel snin li kont nilgħab, ma kontx nimmaġinani nilgħab kompetizzjonijiet barra minn Malta u grazzi għall-għajnuna ta' Badminton Malta, issa nista' nikkompeti barra minn xtutna u nibda karriera professjonali f'dan l-isport.

X’kienu l-kisbiet ewlenin tiegħek tul l-aħħar staġun kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna?

Din is-sena rnexxieli nsir champion ta’ Malta fil men’s u l-mixed doubles. Dawn it-titli ma tantx kienu mistennija kemm minni kif ukoll mil-kowċis tiegħi u allura jien ferħan ħafna li rnexxieli nirbaħ dawn it-titli. Ma' dawn it-titli rbaħt diversi ranking tournaments kemm fis-singles kif ukoll fid-doubles. Fil-bidu tas-sena sifirna bħala akkademja ta’ Malta lejn Malles fl-Italja biex nieħdu sehem fi training camp u kompetizzjoni. F’din il-kompetizzjoni spiċċajt fl-ewwel post fil-mixed doubles u tieni post fis-singles. Dawn it-titli tista’ tgħid li kienu l-quċċata ta din is-sena, imma mhux se nieqaf hemm għax għandi pjanijiet kbar ġejjin għall-bqija tas-sena.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f'dan l-isport?

Dan l-aħħar għadni kemm applikajt għall-Malta Sports Scholarship u qed nippjana li neqleb għal atleta professjonali ġewwa s-Centre of Excellence ġewwa d-Danimarka flimkien ma' ħabib kbir tiegħi Matthew Abela, fejn Matthew diġà ilu sentejn jitħarreġ ġewwa d-Danimarka. Diversi nies differenti għenuni nirrealizza li għandi potenzjal qawwi biex nipprattika l-badminton f'livell professjonali.

Jien nixtieq nipprova nikkompeti mal-aqwa atleti tal-badminton kemm fl-Ewropa u kemm fid-dinja, nixtieq nikkompeti fl-Olimpijadi, kampjonati tad-dinja, il-kampjonati Ewropew u diversi kompetizzjonijiet ta' unur.  Din hi waħda mir-raġunijiet għaliex applikajt għal scholarship.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera f'dan l-isport. 

Jien nemmen ħafna fil-frażi bl-Ingliż, “dream big, work hard and results will follow’’. Dan hu l-messaġġ li nixtieq nagħti lil kull min irid jipprova jagħmel karriera f'dan l-isport tant għal qalbi. Avolja l-badminton huwa sport minuri, dan ma jfissirx li għandu jkun hemm limiti, la fuqna bħala plejers u lanqas fuq l-amministrazzjoni..  Aħna l-Maltin stmati ħafna fil-kamp tal-badminton, u b’hekk dejjem lesti li nsibu l-għajnuniet meħtieġa minn sħabna ta' pajjiżi ikbar u iżjed esperjenzati minna.

More in Lokali