'Appoġġjaw lit-tfal tagħkom għax il-futbol huwa sport sabiħ'

Janice Xuereb - goalkeeper tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa u ta' Birkirkara FC li kulma jmur iż-żmien dejjem qed titjieb fil-wirjiet u l-potenzjal tagħha fil-futbol.

Kif nibtet fik l-imħabba lejn il-futbol? 

Meta kelli madwar sitt snin kont nilgħab ma' ħija fil-bitħa tan-nanna u sabiex jittrenja kif jitfagħni goalkeeper u joqgħod jixxutjali u kien jgħidli int aħjar mill-goalkeeper tagħna. Imbagħad kont għidt lil missieri li xtaqt nipprattika dan l-isport u kien ħadni miegħu.

X'tikkummenta fuq l-aħħar staġun kemm tiegħek personali kif ukoll tat-tim tiegħek? Naħseb li bħala tim kellna staġun tajjeb. Konna dixxiplinati u determinati li nilħqu l-għanijiet tagħna. Mil-lat personali nemmen li kelli apparenzi tajbin u oħrajn inqas tajbin, u għalkemm nemmem li dejjem hemm lok fejn nitjieb, inħossni sodisfatta.

Kif tirribatti għall-kritika li ssir minn bosta persuni mhux biss f'pajjiżna, li l-futbol huwa biss addattat għall-irġiel u mhux għan-nisa, minħabba s-saħħa fiżika u l-aġilità partikolari li dan l-isport jirrikjedi?

Jien nemmem li kulħadd għandu l-opinjoni jgħid li jrid però min qed jara l-futbol tan-nisa lokali kif ukoll barra min xtutna jista' jara b'mod ċar li n-nisa jistgħu jilagħbu l-logħba tal-futbol u kif! U għal min qatt ma rah, bħalissa jista' jsegwi t-Tazza tad-Dinja tan-Nisa u jkun jista' jara dan b’għajnejh stess! 

X'tikkummenta fuq wieħed mill-imħuħ wara l-qawmien tal-futbol tan-nisa f'dawn l-aħħar snin f'pajjiżna, li huwa wkoll l-eks kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa, u li preżentament qed jokkupa l-kariga ta' Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa lokali, Pierre Brincat?  

 Nemmen li Pierre qed jagħmel xogħol siewi ħafna, u anke jiġġieled ħafna sabiex aħna jkollna dejjem aktar riżorsi sabiex inkomplu nsiru aktar professjonali.

Hemm xi logħbiet memorabbli li jibqgħu mmarkati b'ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek sa issa? 

Bla dubju kull logħba li nilgħab man-nazzjonal hija memorabbli, però ma ninsa qatt il-logħba ta’ meta rbaħna l-Kampjonat fit-93 minuta kontra Mosta, wara li konna għamilna kampjonat sħiħ it-tieni post u lgħabna l-aħħar logħba bi tliet plejers importanti sospiżi. Hemm ukoll il-logħba tan-nazzjonal under 19 meta konna lgħabna kontra t-tim nazzjonali tas-Serbja.

X'tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-akbar ġid tal-futbol tan-nisa f'pajjiżna jew tħoss li tista' tagħmel iktar?

Nemmen li Pierre Brincat, Dorita Agius, il-kowċing staff kollu u nies oħra mill-MFA qegħdin jagħmlu xogħol siewi, però għad fadal ħafna xogħol sabiex niġu livell mal-importanza li jieħu l-futbol tal-irgiel.

Tikkunsidra l-possibiltà li fil-futur tmur tilgħab ma' xi tim barra minn Malta? 

Bħalissa mhix il-prijorità tiegħi, però jekk tiġi opportunità tajba nikkunsidraha żgur.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-futbol? 

 Hija xi ħaġa li tinvolvi sagrifiċċju kbir però jekk tkun tħobb xi ħaġa jirnexxielek tagħmilha.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek? 

 Bħalissa qed inħares b’ottimiżmu kbir, għandha ħafna logħob interessanti man-nazzjonal u nispera li nkompli nirbaħ l-unuri mat-tim tiegħi.

Tħoss li l-media sportiva f'pajjiżna tagħti biżżejjed exposure lill-futbol tan-nisa, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prinċipali u importanti, li fihom ikun involut it-tim nazzjonali tan-nisa? 

Le, pjuttost inħoss li f’sens ta’ media u promozzjoni morna lura ħafna! Kien hemm żmien fil-passat fejn kien hemm programmi li kienu jiddedikaw ħin mill-programm għall-futball tan-nisa, però din is-sena ma tantx naf li kien hemm affarijiet simili.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew jieħdu bis-serjetà l-futbol, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġġuhom jagħmlu dan. 

Inħeġġiġhom sabiex jibdew u ma jaqtgħux qalbhom għax ikun hemm xi ħadd li forsi jgħaddilhom xi kumment, anzi għandhom jaħdmu sabiex ituhom risposta! U għall-ġenituri, appoġġjaw lit-tfal tagħkom għax il-futbol huwa sport sabiħ, u li kieku missieri ma kienx jagħmel ħafna sagrifiċċji u l-appoġġ kontinwu li kien u għadu jtini kieku jien bla dubju ma wasaltx fejn wasalt! U għalhekk nixtieq nieħu din l-opportunità u  niddedika s-suċċessi kollha tiegħi lilu!

More in Lokali