“Il-parteċipazzjoni tiegħi fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa tista’ tispira lill-oħrajn”
L-ewwel atleta li rrappreżentat lil Malta fil-cross country skiing, Jenny Axisa Eriksen, titkellem mal-gazzetta ILLUM
Fl-età ta’ 20 sena, Jenny Axisa Eriksen irrappreżentat lil Malta fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa għar-raba' darba fl-istorja. Hi tkellmet fuq l-esperjenza tagħha u l-miġja tagħha sal-Olimpjadi fejn ikkompetiet fil-cross country skiing.
“Onestament, kienet surreali,” Axisa Eriksen iddeskriviet l-esperjenza tagħha. Hi qalet li l-fatt li naqqxet isimha fl-istorja sportiva ta’ Malta saħħet l-esperjenza. Qalet ukoll li ħasset sens ta’ responsabbiltà kif ukoll ta’ unur, hekk kif hi rrappreżentat pajjiż li m’għandux sports xitwin.
Axisa Eriksen imxiet bil-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ bħala l-unika atleta f’isem Malta f’dawn il-logħbiet. L-atleta ta’ dixxendenza Maltija u Norveġiża ilha tipprattika l-iskiing mill-età ta’ sentejn fin-Norveġja, fejn dan l-isport hemmhekk huwa komuni. Imbagħad ta’ seba’ snin, hi ssieħbet ma’ klabb tal-iskiing u kkompetiet f’xi konkorsi lokali. Hi qalet li bħala tifla kienet tidolizza atleti Norverġiżi f’dan l-isport bħal Marit Bjørgen u Petter Northug.
“Meta kbirt, it-taħriġ żdied għal darbtejn fil-ġimgħa,” hi qalet, hekk kif meta għalqet il-15-il sena ddeċidiet li tikkommetti ruħha għal dan l-isport.Ta’ 16-il sena, Axisa Eriksen issieħbet fi skola speċjalizzata fejn setgħet tagħti prijorità lill-isport kuljum, flimkien mal-istudji akkademiċi tagħha.
Hi qalet li għamlet snin sħaħ tipprattika għal dak il-mument fl-Olimpjadi, li dam biss nofs siegħa. Nofs siegħa mimljin adrenalina, qalbha tħabbat mija mija, fejn wara li rnexxielha tikkalma n-nervi, tgħix l-esperjenza kollha. L-idea li tikkompeti fil-Logħob Olimpiku ġiet mingħand omm Axisa Eriksen li minn dejjem ħeġġet lilha u lil oħtha sabiex jikkompetu f’isem Malta, idea li baqgħet f’moħħ l-atleta u issa li kibret ftit ieħor, din il-ħolma saret realtà.
L-għażla li tirrappreżenta lil Malta, fid-dawl tal-għeruq multikulturali tagħha, kienet ispirata mill-identità tagħha. “Li nirrappreżenta lil Malta kienet xi ħaġa kbira għalija għax għenitni ngħaqqad l-isport mal-għeruq tiegħi. Barra minn hekk, kont naf ukoll li stajt ngħin lil Malta bl-ewwel debuttf’logħob xitwi, u forsi nispira atleti żgħażagħ li ma jarawx lilhom infushom f’dawn id-dixxiplini.”
Fuq dan il-punt, hi rrikonoxxiet li hija sfida kbira għal atleti Maltin sabiex jikkompetu f’logħbiet xitwin hekk kif m’hawnx aċċess naturali għal silġ jew borra, avolja issa hawn numru ta’ alternattivi artifiċjali sabiex wieħed itella’ sigħat ta’ prattika. “Naħseb ukoll il-fatt li l-Kumitat Olimpiku appoġġa l-parteċipazzjoni tiegħi fl-Olimpjadi Xitwin jista’ jkollu effett pożittiv billi jispira oħrajn sabiex joħolmu, jaħdmu u jimmiraw sabiex jikkompetu fil-futur.” Axisa Eriksen għamlet referenza għal attività li organizza l-kumitat fi skola lokali tal-isport tal-curling sabiex iħajjar studenti jidħlu fi sports xitwin.
Fl-aħħar, Axisa Eriksen elaborat fuq il-futur tagħha. “Għadni żgħira ħafna, u għadni kif bdejt nikkompetti fuq livell tal-kbar,” hi qalet li l-futur joffrilha opportunità tkompli fl-isport tant għal qalbha li jitlob ħafna sigħat u dedikazzjoni. Madankollu hemm xi ħaġa oħra għal qalbha. Hi tixtieq tistudja l-mediċina, impenn ieħor li jitlob ħafna dedikazzjoni. Għalhekk, hi qalet li mhux ċerta hux se tkompli fl-isport, hekk kif qed titħarreġ inqasminħabba s-sigħat li qed tiddedika għall-iskola.
