'Dan l-istaġun jista' jkun fundamentali biex nagħmel il-qabża li jmiss u nilgħab fil-Kampjonat Premier'

Dion Fava - plejer ta' Vittoriosa Stars fl-Ewwel Diviżjoni li matul l-istaġun li għadda kien misluf lil Żebbuġ Rangers. Qed iħares lejn l-istaġun li ġej bħala wieħed ferm importnati fil-karriera tiegħu, bil-mira li jaqta' xewqtu u jilgħab fil-Kampjonat Premier.

Dion Fava
Dion Fava

DION FAVA

Huwa plejer ta' Vittoriosa Stars fl-Ewwel Diviżjoni li matul l-istaġun li għadda kien milsuf lil Żebbuġ Rangers.

Qed iħares lejn l-istaġun li ġej bħala wieħed ferm importnati fil-karriera tiegħu.

Għandu l-mira li jaqta' xewqtu u jilgħab fil-Kampjonat Premier.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-ġenituri tiegħi jgħidu li meta kont għadni żgħir u kienu jixtruli xi ġugarell, jien kont ninfexx nibki u ngħidilhom li rrid ‘paċi’ li huma qatt ma fehmu x'ridt ngħid biha. Però, darba konna għaddejjin minn quddiem ħanut fejn ilmaħt ballun tal-futbol tal-plastik u bdejt nippunta lejh u ngħid il-kelma ‘paċi’ li apparentament kienet il-kelma li vvintajt biex nirreferi għall-ballun tal-futbol. Minn dejjem intektek b'dan il-ballun u nkisser 'l hemm u 'l hawn sakemm kien ċempilli z-ziju tiegħi meta kelli seba' snin u kien staqsieni jekk nixtieqx nibda nilgħab il-futbol u minnhemm bdejt l-avventura tiegħi fin-nursery ta' raħal twelidi, Ħaż-Żabbar.

X’taħseb dwar dak kollu li urejtu matul l-aħħar staġun bħala Żebbuġ Rangers?

L-istaġun li għadda għaddejtu ma' Żebbuġ Rangers b’self mingħand il-klabb ta' Vittoriosa Stars. Nista' nghid li kien staġun ta' ħafna emozzjonijiet. Fis-sajf kont ġejt avviċinat mill-kowċ Edgar Degabriele u kien għoġobni l-pjan li kien qiegħed jitfassal għal dan it-tim kif ukoll emmint u għadni nemmen fil-potenzjal ta' kull plejer li kien jifforma parti minn dan it-tim u fuq kollox l-għaqda li kien hemm fit-tim kienet impekkabbli bi plejers żgħażagħ u determinati kkumplimentati bi plejers ta' esperjenza vasta fil-Kampjonat Premier bħal Clive Brincat. Bdejna pjuttost fuq nota negattiva fejn wara numru ta' riżultati negattivi u forsi anke xi ftit sfortuna fejn jidħlu injuries, konna f'pożizzjoni xejn pjaċevoli u bdejna niġġieldu biex insalvaw postna fl-Ewwel Diviżjoni. Għalkemm ma kienx żmien feliċi, l-għaqda ta' bejnietna kienet ferm ikbar minn dan il-mument negattiv li konna għaddejjin minnu. F'Jannar kien hemm ukoll il-bidla tal-kowċ meta ġie maħtur Clive Mizzi bħala kowċ. Wara li sofrejna telfa fl-aħħar minuta tal-partita kontra t-tim promoss ta' Gudja United, ir-rota bdiet iddur u l-għaqda, id-determinazzjoni li kellna lkoll flimkien biex noħorġu minn din is- sitwazzjoni bdiet tħalli l-frott. Wara numru ta' riżultati pożittivi, inkluż rebħa kontra ċ-Champions Sirens, li konna l-uniku tim li rbaħnielhom żewġ logħbiet, dħalna għall-aħħar fażi tal-kampjonat nemmnu li nistgħu noħolqu sorpriża u niksbu t-tielet post li kien ifisser post għall-play-off. Fl-aħħar mill-aħħar spiċċajna fis-sitt post u konna wieħed mill-aqwa timijiet fejn tidħol difiża. Żgur mhux forsi li dan l-istaġun u dan it-tim li ħdimt miegħu ħa jibqa' f'qalbi u ma neskludix li nerġgħu naħdmu flimkien fil-futur qrib.

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Naqbel, speċjalment għall-fatt li hemm numru ta' timijiet li qed jutilizzaw il-massimu ta' barranin li jistgħu jilagħbu. B'14-il tim, dejjem ħa jkollok żewġ timijiet li ġew promossi, possibilment tlieta jekk jintrebaħ il-play-off, li dawn jagħtu spazju lil żgħażagħ promettenti li jkunu jistgħu jesprimu t-talenti tagħhom u jittamaw li jiġbdu l-attenzjoni ta' timijiet iktar ikkwotati u jagħmlu l-qabża li jkun hemm bżonn. Tieħu minn timijiet bħal Pietà Hotspurs, St Andrews, li dejjem kellhom livell tajjeb ta' żgħażagħ li wara staġun fl-ogħla livell attiraw interess minn klabbs fin-naħa ta' fuq tal-klassifika u wkoll ġew mgħajta mat-tim nazzjonali Malti.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Differenza ħa jkun hemm dejjem u din narawha f’kampjonati ikbar minn dak ta' Malta. Biss però bil-format il-ġdid, il-kampjonat qed jibqa' miftuħ sal-aħħar ftit ġranet fejn min għadu qed jiġġieled għall-kampjonat, min biex iżomm postu, post fl-Ewropa, min jilgħab il-playoff eċċ. Partikolarment din is-sena rajna tim bħal Senglea Athletic li minn Jannar 'l hemm, kiseb riżultati tajbin ħafna anke kontra timijiet iktar ikkwotati minnhom.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Ma naqbilx għall-fatt li għalkemm ħafna klabbs jinsistu li jekk plejer Malti huwa kapaċi biżżejjed jista' jagħmilha xorta nemmen li ċ-ċans għal żgħażagħ promettenti biex jagħmlu l-qabża li jmiss se tkun iktar diffiċli. Ħaġa oħra li ma naqbilx magħha hija li hawn ċerti klabbs li jippreferu jaraw filmat ta' plejers barranin u jġibuh għall-prova milli jinżlu jaraw logħob f'diviżjonijiet oħra bħall-ewwel u t-tieni diviżjoni fejn hemm ħafna talent lokali. Ilni għal dawn l-aħħar ħames snin nilgħab fl-ewwel diviżjoni u ftit li xejn tara diriġenti u kowċis ta' klabbs tal-Premier jaraw logħba tal-ewwel diviżjoni. Għalhekk waħda mill-ftit opportunitajiet li għad baqgħalhom iż-żgħażagħ Maltin hija li jieħdu promozzjoni jew jissieħbu ma' tim li għadu kif ġie promoss u jieħdu l-opportunità li jesprimu t- talenti tagħhom u jittamaw li jattiraw l-attenzjoni ta' klabbs oħra.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Din hija raġuni oħra għalfejn ma naqbilx li jiżdied in-numru ta' plejers barranin. Huwa fatt li hawn numru ta' timijiet li jippreferu jinvesti fi plejer barrani milli jinvestu f'talent lokali. Dan jista' jkun għal diversi raġunijiet, waħda minnhom hija l-element finanzjarju fejn klabb ikun jaqbillu jġib barrani milli jinvesti f'talent lokali minħabba s-sistema tal-parametri. Biss però, il-livell ta' barranin li qed jara l- futbol Malti f'dawn l-aħħar snin mhuwiex l-istess livell ta' barranin li konna naraw fil-passat meta kien hemm regola ta' tliet barranin u dawn qed jieħdu post żgħażagħ promettenti meta ma jkunux ta' livell superjuri minn dak ta' talent lokali.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat tal-ewwel diviżjoni?

Il-livell tal-grawnds li jintużaw għall-ewwel diviżjoni huwa aċċettabli però nissuġġerixxi li jkun hemm fixtures li jintlagħbu fil-Hibs Ground bħalma kien isir ftit tas-snin ilu. Dan għal diversi raġunijiet fosthom għall-fatt li l-playoff ma ssirx fuq ħaxix sentetiku u allura t-tim tal-Ewwel Diviżjoni jibda bi ftit żvantaġġ.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Il-livell ta' referis nemmen li kien tajjeb fl-opinjoni tiegħi. Hemm referis ġodda li għad jippromettu u bħalna l-plejers dawn huma suġġett għall-iżbalji li minnhom ikunu jistgħu jitgħallmu u jiżviluppaw ruħhom.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Is-sagrifiċċji huma ħafna. Hemm ħafna affarijiet li plejer tal-futbol irid jaħdem fuqhom. Irid jagħmel sagrifiċċju u jagħti l-100% f'kull sessjoni ta' taħriġ wara tmien sigħat xogħol, joqgħod attent x’jiekol, jiċċaħħad minn ħin mal-familja u t-tfal, jiċċaħħad milli jqatta' l-ħin ma' sħabu u ħafna iktar. Xejn mhu impossibbli u fejn ikun hemm ir-rieda tal-plejer, kollox huwa possibbli!

Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Mhux faċli, speċjalment għall-fatt li nibda l-ġurnata fit-tmienja ta' filgħodu u nispiċċa fil-ħamsa ta' filgħaxija u jkolli nibqa' sejjer dritt għat taħriġ. Ostaklu ieħor hu l-fatt li wara tmien sigħat xogħol ikun difficli biex tkun iffukat 100% għas-sessjoni ta' taħriġ, biss però dejjem nipprova li dejjem nagħti l-l-aħjar tiegħi f'kull sessjoni ta' taħriġ biex nassorbi dak kollu li nista' biex ngħolli l-livell. Sagrifiċju ieħor huwa li jkollok tissagrifika l-ħin minn mal-familja, partikolarment it-tfajla u t-tfal li meta nasal lura d-dar ikunu waslu biex jidħlu jorqdu. Għalhekk nieħu l-opportunità li nirringrazzjahom minn hawn tal-paċenzja li jieħdu bija.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-logħba tal-futbol hija wisq sabiħa u apparti l-aspett kalċistiku hemm l-aspett uman. Il-logħba tal-futbol tgħinek issir bniedem aħjar.

Il-futur tiegħi jinsab inċert din is-sena. Diġà bdejt xi diskussjonijiet ma' timijiet oħra però jien preżentament plejer ta' Vittoriosa Stars.

Diġà bdejt naħdem u nipprepara ruħi fiżikament biex inkun ippreparat għall-istaġun li jmiss. Dan l-istaġun qed narah strumentali u jista' jkun fundamentali biex nagħmel il-qabża li jmiss u naqta' xewqti u nilgħab fil-Kampjonat Premier.

It-triq hija twila u mhux faċli, però żgur li mhux ħa naqta' qalbi.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi lil dawn iż-żgħażagħ huwa biex qatt ma jaqtgħu qalbhom. Il-logħba tal-futbol hija wisq sabiħa u apparti l-aspett kalċistiku hemm l-aspett uman. Il-logħba tal-futbol tgħinek issir bniedem aħjar. Tgħallimna wkoll ħafna valuri importanti fil-ħajja tagħna. Tgħallimna li l-ħajja daqqa titlef u daqqa tirbaħ però l-iktar ħaġa importanti hija li dejjem għandek tħares 'il quddiem, temmen fik innifsek u taħdem bla waqfien biex tikseb dak li trid.

More in Intervista