Souvenirs tal-Mulej
Jekk trid tifhem għalfejn in-nies taħseb kif taħseb, u tivvota kif tivvota, għalfejn isawru l-biżgħat tagħhom f’razziżmu bla rażan, u għalfejn huma indifferenti għall-isfidi kbar li għandna quddiemna – inżel sal-festa
Minn Alexander Vella Gregory
Kompożitur, Riċerkatur u Mużiċist
Sakemm dan l-artiklu jasal għall-publikazzjoni, in-nirien tal-qilla u r-rabja li ħakmu d-deżert niexef li hi l-midja soċjali jkunu battew u sar biss ġamar. Is-Sibt 11 ta’ Lulju statwa ta’ ’l fuq minn 100 sena li tintrama għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt tfarrket, allegatament vittma ta’ inċident minn gaj ta’ nies li kienu qed jaħdmu fuq film fi Pjazza San Ġorġ.
Għal dawk li jafuni jiena mejda tal-qubbajd (hekk kif ġentilment ifakkruni sħabi). Jien imsaħħar mhux biss bir-ritwal u l-ispettaklu tal-festi, iżda bil-mod kif il-festi jitfgħu dawl fuq il-bnedmin. Jekk trid tifhem għalfejn in-nies taħseb kif taħseb, u tivvota kif tivvota, għalfejn isawru l-biżgħat tagħhom f’razziżmu bla rażan, u għalfejn huma indifferenti għall-isfidi kbar li għandna quddiemna – inżel sal-festa.
Il-festi huma l-kejl li bih nistgħu nkejlu s-soċjetà li ngħixu fiha. Mhux ta’ b’xejn li l-politikanti jmorru bi ħġarhom sabiex jintgħoġbu ma’ dawn il-komunitajiet, mhux biss permezz ta’ għotjiet ta’ flus, iżda permezz ta’ wirjiet ftit dinjitużi quddiem ix-xbihat sagri. L-ironija li tara l-istess nies li tant kienu mqanqlin bil-qilla wara l-inċident tas-Sibt li għadda jieħdu b’idejn dawk li huma responsabbli għall-politika li wasslitna f’din is-stwazzjoni, ma tistax tiġi injorata.
M’iniex se nagħmel tabirruħi li qed nitkellem f’isem il-komunità Beltija, wisq anqas dik tal-festi, jew li fadal minnhom. Li kieku dan l-inċident ġara 20 jew 30 sena ilu, din kienet tkun biss aħbar ċkejkna f’xi gazzetta. Fil-fatt, dan mhuwiex l-ewwel inċident ta’ dan it-tip – inċident simili qered statwa ta’ San Vinċenz Ferrer li kienet tintrama għall-festa ta’ San Duminku fil-Belt stess. Iżda dan kien meta l-Belt kienet belt, mhux attrazzjoni turistika.
Ejjew inpoġġu saqajna mal-art: miljuni ta’ ewro ġew ippumpjati fil-Belt Valletta. Bini żdingat ġie rrestawrat, knejjes salvati, bini pubbliku mreġġa’ lura għall-pajjiż. Wieħed irid biss jara l-Palazz tal-Gran Mastri, il-Valletta Design Cluster, u s-Suq tal-Belt. Għandi x-xorti li naħdem f’wieħed minn dawn il-monumenti – l-investiment huwa reali u ġenwin. Miljuni ġew ukoll ippumpjati f’għaqdiet volontarji, fosthom dawk marbutin mal-festi, liema fondi salvawhom milli jagħlqu darba għal dejjem. Iżda meta tiżen kollox, xi rbaħna?
Lura fl-2014 kont bdejt il-vjaġġ tiegħi għall-kisba tad-Dottorat. Għażilt li naħdem fuq il-Belt – hawn kelli quddiemi komunità li qed tinbidel, li f’daqqa waħda sabet ruħha fiċ-ċentru tal-attenzjoni internazzjonali permezz tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Dak iż-żmien il-kelma ‘Valletta’ saret sinonima mal-‘kultura’. Saret ukoll marka tad-ditta – kulħadd ried biċċa mill-Belt. Wieħed mill-ewwel eżerċizzji kien li nintervista 100 ruħ li b’xi mod marbutin mal-Belt – imwielda, imrobbija jew jaħdmu fil-kapitali. Sakemm lestejt ir-riċerka fl-2018, nofshom kienu telqu mill-Belt darba għal dejjem. Il-Belt kienet qed tiġi żventrata.
Blokka wara blokka tal-Belt ġiet imbattla sabiex jintużaw bħala hotels u għall-kirjiet qosra. Il-proprjetà, li diġà kienet għolja għall-bosta, saret impossibbli għall-Beltin. Tal-inqas 80% tal-voluntiera involuti fil-festi tal-Belt ma jgħixux fil-Belt. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa, minkejja li taħdem u tistinka, qiegħda dejjem tiċkien. Fadal ftit żoni bħall-Mandraġġ, id-Dijuballi u l-Arċipierku, iżda dawn qegħdin jissieltu għal ħajjithom. Dawk li fadal isiru dejjem aktar difensivi, li kważi jkunu aggressivi u bla ħniena. Ma ntihomx tort. Qatt m’għandek twaħħal fil-vittma.
Ħadd mhu qiegħed jgħid li t-turiżmu ħażin, jew li l-ospitalità hi ħaġa faħxija, iżda warrbu ftit il-mowbajls, u esperjenzaw il-Belt permezz tas-sensi mhux permezz tal-mirjiet imtappna tal-influencers. Nerġa’ ngħid, għandi x-xorti naħdem f’binja storika: għejejt nara nies jaqalgħu u jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom b’mod sfaċċat mal-ħajt tal-knisja. Rajt żgħażagħ fi triqithom għall-parties isuqu ħażin, idawru f’żoni pedonali, u joħorġu sparati bil-kontra u jolqtu dak kollu li jinzerta quddiemhom. Il-mużika minn ċerti stabbilimenti tinstema’ minn tnejn jew tliet blokok ’il bogħod: DJs, rock bands, u rave parties f’binjiet storiċi. U dan għadni ma bdejtx ngħidilkom dwar is-sinjali, imwejjed u siġġijiet, u bejjiegħa ta’ kull xorta ta’ mbarazz li joħonqu t-toroq tal-Belt.
Dan il-ġenn jibqa’ tiela’ anke fuq livell istituzzjonali. Ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika … għaliex ħadd ma jista’. Snin ta’ politika ta’ firda żgurat li l-ħtija dejjem iddur minn entità għal oħra. Min hu ħati tat-tkissir tal-istatwa? In-nies tal-films? Faċilment iwaħħlu fil-forzi tal-ordni u f’min ta l-permessi, li malajr jgħidulek li din mhux biċċa tal-Kunsill iżda xogħol il-Gvern ċentrali, li jgħid li l-Gvern m’għandux jindaħal f’affarijiet lokali żgħar hekk, u li jirreferu għal Malta Tourism Authority li min-naħa tagħhom mhux se jindaħlu fi kwistjoni potenzjalment ta’ natura kriminali.
Forsi wieħed jara dawn l-affarjiet bħala ħmerijiet, iżda dan kollu għandu konsegwenzi serji. Il-festi tal-Belt iridu jbaħħru f’dan il-baħar imqalleb ta’ permessi u regolamenti. Jekk ristorant jirrifjuta li jmexxi l-imwejjed u siġġijiet biex jintramaw l-affarijiet tal-festa, il-pulizija huma limitati f’dak li jistgħu jagħmlu. Eventwalment, il-voluntiera jsibu ruħhom daharhom mal-ħajt u jmorru ‘jkellmu lil xi ħadd’ (ħafna drabi xi Ministru jew xi ħadd imlaħħaq fiċ-Ċivil), li invarjabbilment joffrilhom soluzzjoni temporanja bil-ftehim sieket li meta jasal il-waqt jaħsbu fih fil-vot tagħhom, u b’hekk inkomplu nitgħaqqdu fiċ-ċirku vizzjuż.
Fl-2023, il-Festa Maltija nkitbet fir-reġistru uffiċjali tal-Wirt Dinji Intanġibbli tal-UNESCO. Dan ġara mhux għax xi ħadd kellem xi Ministru jew Uffiċjal. Dan seħħ għax il-Festa Maltija hija unika – teatru komunitarju u depożitorju ta’ sbuħija spiritwali u kulturali fl-istess ħin. Il-waqt li teqred il-komunità li ssawwar il-festa, ma jkun jifdallek xejn għajr biċċa teatrin irħis u artifiċjali. It-titlu ta’ Wirt Intanġibbli Dinji jġorr miegħu dmirijiet serji. Il-festi huma prezzjużi għax jgħidu xi ħaġa dwarna bħala poplu, u bħalissa l-unika ħaġa li qed noffru hija statwa mfarrka f’riġlejn l-altar tar-regħba.
Il-politika kollha tagħna, bil-manifesti, strateġiji, u soluzzjonijiet għall-problemi tagħna, nistgħu niġbruhom f’erba’ kelmiet: biddel billi tagħmel aktar minn dak li qiegħed diġà tagħmel’. Aktar turisti, aktar barranin jaħdmu bix-xejn, aktar skemi, aktar fondi, aktar bini, aktar toroq … aktar, aktar u aktar! U, l-aktar punt importanti: kulħadd irid il-bidla mingħajr ma jbiddel xejn minn ħajtu.
Il-problema mhijiex statwa mfarrka, il-problema hi komunità mfarrka. Ma’ kull binja żventrata, ma’ kull Belti mkeċċi minn beltu, qegħdin nitilfu sekli ta’ stejjer li sawru l-Belt Valletta. Il-vara tal-Madonna tal-Karmnu ilha tinġarr mat-toroq tal-Belt Valletta kull 16 ta’ Lulju għal sekli sħaħ. Hija repożitorju tat-tamiet u l-ħolm ta’ pajjiż. Kull biċċa armar tal-festa, inkluż dik l-istatwa mfarrka, hija parti minn xibka minsuġa mis-sekli. Anke jien ngħożż dik l-istatwa bħala tifkira ta’ tfuliti – il-qerda tagħha hi qerda ta’ memorja kollettiva.
Ktibt li kulħadd irid il-bidla mingħajr ma jrid jinbidel, iżda x’jiġri meta m’għandniex għażla oħra? Fuq min nistgħu nduru meta ġabuna dipendenti fuq din is-sistema diżumana? Żammejt lura milli nsemmi partiti jew istituzzjonijiet, mhux għax għandi preferenzi jew biżgħat personali, iżda għaliex fl-aħħar mill-aħħar huma parti mill-istess sistema mkissra. Din l-aħħar elezzjoni wriet biċ-ċar kemm hi mkissra s-sistema. Agħar minn hekk, ma nista’ noffri l-ebda soluzzjoni. Bħalkom jiena qiegħed nibki l-frak ta’ tifkiriet kollettivi.
Hemm minnkom familjari mal-frażi ta’ Nietzsche ‘Alla huwa mejjet’. Alla mhuwiex ‘mejjet’ – Alla huwa maqtul, imbiċċer, u mibjugħ biċċiet bħala relikwi-souvenirs minn profeti foloz iwiegħdu allat ġodda. Anke l-valuri tagħna ma saru xejn aktar ħlief prodotti mibżuqa minn sorm il-kapitaliżmu amorali. Lejn min induru meta Alla hu mejjet?
Forsi nista’ nagħmel passejn mat-toroq tal-Belt Valletta, bis-souvenirs tal-Mulej fil-but, hekk kif nibla’ biċċa ħobż m’ogħla s-sema, li tiswa daqs ġurnata paga jew inqas tal-wejter barrani li qdieni. Imbagħad indur bħal mitluf mat-triqat bl-istorbju ħiereġ minn armata speakers itanbar ġo widnejja, filwaqt li ngħum f’baħar ta’ turisti, kollha ħerqana għal biċċa souvenir tal-Mulej f’din il-qoxra ta’ belt – qoxra żventrata daqs pajjiżna jgħajjat ‘Melita Christiana’ filwaqt li l-qassisin il-kbar tagħha jbigħulna l-imbarazz u souvenirs imsejba tal-Mulej.
