Owen Bonnici | Kalendarju kulturali mimli daqs bajda

Ir-riżultati għalhekk jiġu, għax ikollok nies dedikati li jagħtu l-massimu tagħhom biex nersqu lejn l-għan tagħna u nilħqu l-miri 

Qisu l-bieraħ litteralment li konna qed niċċelebraw tmiem l-ewwel tas-sena, mill-ewwel ġie l-Festival tal-Barokk, għadda, u diġa’ wasalna għall-Karnival. 

Tant hu rikk u mimli daqs bajda l-kalendarju kulturali li verament iħallik mingħajr nifs u jimlik b’enerġija u b’inizjattiva kbira. Dan biex ma nsemmux il-Eurovision li ttella’ b’tant ħila l-Public Broadcasting Services Ltd taħt it-tmexxija ta’ Dr Mark Sammut u t-tim tiegħu. 

Hekk kif reġa' wasal il-famuż żmien mistenni minn kulħadd, festa oħra kbira fil-kalendarju Kulturali Malti partikolarment għat-tfal li tant iħobbu l-Karnival, ħabbarna investiment ta’ €1.2 miljun għal dan il-festival uniku f’makkinarju modern li ser jgħolli l-kwalità u l-istandard tal-Karnival Malti. 

Din l-aħbar niżlet tajjeb immens mal-karristi u l-artisti tal-Karnival u bir-raġun għax dan hu l-ikbar investiment li qatt sar fl-aħħar snin f’dan il-festival tant sabiħ.  Grazzi għall-ħbieb tiegħi Aaron Zahra u Anabelle Stivala, Chair u Kap Eżekuttiv rispettivament ta’ Festivals Malta, li tant qed nieħu pjaċir naħdem magħhom. 

Ir-riżultati għalhekk jiġu, għax ikollok nies dedikati li jagħtu l-massimu tagħhom biex nersqu lejn l-għan tagħna u nilħqu l-miri. 

Għall-edizzjoni li jmiss tal-Karnival fi Frar li ġej, l-Aġenzija Festivals Malta ser tibda tuża 20 vettura ġdida li se jkunu mgħammra b’teknoloġija moderna. Dawn ser jintużaw mill-parteċipanti tal-Karnival biex jittrasportaw il-karrijiet tagħhom mill-imħażen għall-Belt Valletta, kif ukoll biex ikunu jistgħu jduru mat-toroq tal-Belt Valletta waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival bl-aktar mod sigur possibbli. Dan l-investiment jinkludi wkoll 20 trailer ġdid li ser jibdew jintużaw mis-sena d-dieħla.  

Id-dilettanti jqattgħu ħafna ħin 'il bogħod mill-familji tagħhom biex ikunu jistgħu jtellgħu avveniment importanti ta' dan it-tip, li għalihom mhux biss huwa delizzju, iżda parti sinjifikanti mill-ħajja tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-20 vettura li ġew inawgurati, kif ukoll l-20 trailer li se jingħataw is-sena d-dieħla, se jkunu ta' għajnuna kbira fix-xogħol ta' dawn il-volontiera, kif ukoll se toffri dehra isbaħ lil dawk in-nies kollha li jiġu jgawdu l-jiem tal-Karnival. Minn qalbi, nixtieq nirringrazzja lil dawn il-mijiet ta' volontiera tad-dedikazzjoni, il-passjoni li juru, u l-ħin li jqattgħu fil-preparazzjoni sabiex fl-aħħar mill-aħħar ikollna avveniment mill-isbaħ għat-tgawdija tal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll ta' diversi barranin li jiġu apposta f'pajjiżna għal dawn il-jiem tal-Karnival. Grazzi tal-professjonalità li dejjem urejtu, u tan-numru ta' talenti b'ħiliet differenti li permezz tal-ħidma tagħkom qegħdin dejjem isibu spazju fejn jesponu ruħhom. 

Dawn il-vetturi huma mgħammra b’diversi karatteristiċi tal-ogħla livell f’dik li hija sigurtà għaldaqstant huwa ferm aktar sigur biex wieħed jaħdem bihom. Allura apparti li jnaqqsu t-tniġġis, dan l-investiment ser jgħinna nissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-parteċipanti tal-Karnival. Fl-istess waqt il-pubbliku numeruż li jattendi għall-attivitajiet tagħna, partikolarment il-Karnival, ikun f’post sigur li jista’ jgawdi flimkien mal-familja, għax għalina is-saħħa u s-sigurtà huma prijorità f’kull avvenimenti li norganizzaw. 

B’hekk issa se niffaċilitaw il-ħajja u x-xogħol tal-parteċipanti tagħna, kif ukoll ser inħallu inqas impatt fuq l-ambjent ta’ madwarna. Bis-saħħa ta’ dawn il-vetturi u miżuri oħra. Filfatt permezz ta’ dawn il-vetturi se nnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja b’madwar 50 tunnellata tul il-ħamest ijiem tal-karnival. Apparti minn hekk, ser inaqqsu wkoll it-tniġġis ikkaġunat mill-istorbju li kienu jagħmlu vetturi normali. 

Apparti l-investiment f’dawn il-vetturi, Festivals Malta ser ikun qiegħed jalloka numru ta’ kontenituri imxerdin mat-toroq tal-Belt Valletta, li fihom ser jinġabar l-iskart organiku, kif ukoll il-plastik u l-laned, b’mod separat. B’hekk Festivals Malta ser ikun qiegħed iservi ta’ eżempju għal festivals aktar sostenibbli. 

Ftit tal-jiem ilu, wkoll meta ġie varat il-pakkett ta’ fondi l-ġdid tal-Unjoni Ewropea il-proġett tal-Villaġġ tal-Karnival (issa msemmi Culture and Arts Hub) fil-Marsa ġie msemmi b’ismu bħala wieħed mill-proġetti s-sbieħ.  Bis-saħħa ta’ fondi Ewropej nkunu nistgħu ngħaddu mill-karta għar-realta’. 

Din hi aħbar tajba oħra. Dan hu proġett li hekk kif jingħata l-finanzjament meħtieġ mill-fondi Ewropew ikun jista’ jitlaq jiġri.  Dan mhux biss għaliex l-istadju tal-ippjanar sar kollu u bl-ikbar dettall, imma għaliex diġa’ nstabet u ngħatat lill-Ministeru  art li hi perfetta għal dan il-proġett fil-lokalità tal-Marsa.  

Kien importanti ferm li l-art tkun qrib kemm jista’ jkun il-Belt Valletta, u minħabba li l-post magħżul huwa l-Marsa allura din l-isfida ġiet solvuta. 

Hekk kif jitlesta dan il-proġett sabiħ se jsib ruħu fil-lista tal-proġetti kulturali impressjonanti li saru bil-fondi Ewropej sa issa.  Insemmi l-MUŻA, ir-restawr ta’ Forti Sant Anġlu u l-Forti Sant’Iermu biex nagħti biss ftit eżempji.  

Aħbarijiet tajba għall-kultura 

Din il-ġimgħa tnieda wkoll il-programm annwali għas-sena 2023 tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, mimli attivitajiet varjati u mill-isbaħ tul is-sena kollha. Dan il-Programm Kulturali, li l-għan tiegħu huwa li jsostni r-riġenerazzjoni soċjoekonomika fil-Belt Valletta, llum il-ġurnata stabbilixxa ruħu fil-kalendarju nazzjonali u huwa magħruf kemm għal-livell għoli artistiku tiegħu kif ukoll għat-tiżwiq ta’ avvenimenti varji li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. 

Fost l-attivitajiet ewlenin li se jkun hemm din is-sena hemm: Bijografija teatrali bl-isem ta’ Mary Spiteri: My Life u t-Tosca ta’ Giacomo Puccini bl-artist rinomat madwar id-dinja José Cura fil-parti ewlenija ta’ Cavaradossi. Il-progemm jinkludi wkoll proġetti annwali li llum saru parti mill-kalendarju kulturali tal-Belt Valetta fosthom il-Valletta Green Festival, Cinema City, Opera in the City – The Three Tenors, il-Valletta Local Food Festival u l-Programm tal-Milied fil-Belt Valletta li jdum għaddej għal xahar sħiħ. 

Dawn huma biss uħud mill-ħafna attivitajiet li l-Aġenzija se  tkun qed ittella’ tul din is-sena. Fil-fatt, apparti bosta inizjattivi oħra, hemm ukoll programm kulturali maħdum speċifikament għal Strada Stretta li jinkludi attivitajiet bħal Tnejn għat-Talkies, li diġà sejjer tajjeb ħafna, u anki l-programm tal-Valletta Design Cluster. 

Nistedinkom sabiex għal darb’oħra tattendu sabiex tgawdu minn dak kollu li l-Belt Kapitali tagħna għandha x’toffri, u flimkien magħna, tagħmlu dawn l-attivitajiet suċċess. 

U din il-ġimgħa wkoll, tnieda il-programm tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-sena 2023. Dan il-kalendarju jiffoka fuq l-istrateġija u l-fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti, kif ukoll jagħmel referenza għal avvenimenti u kampanji tal-KMA li bihom ikun jista’ iwettaq il-viżjoni tiegħu u jimplimenta l-Istrateġija2025. 

Il-Kunsill Malti għall-Arti jservi bħala xprun b’saħħtu għas-settur kulturali u kreattiv, hekk kif qiegħed ikompli joħloq aktar pjattaformi u sinerġiji għal ġid tas-settur. 

 Dan il-programm jinkludi 17-il skema, li fosthom hemm disgħa li huma kompletament ġodda, li jinkludu l-Programm għall-Kooperazzjoni Reġjonali Kulturali, is-Sabbatiku għar-Riċerka Artistika u l-Micro Gran. Dan u aktar hu l-investiment tagħna fis-settur, għaliex aħna rridu nkomplu nżidu l-aċċessibbiltà u l-professjonalizzazzjoni. 

Il-fondi għall-2023 tal-Kunsill Malti għall-Arti huma parti essenzjali mill-investiment tal-Gvern Malti fis-settur kulturali u kreattiv, hekk kif bis-saħħa tagħhom, is-settur ikompli jsaħħaħ il-pjattaforma tiegħu tal-professjonalizzazzjoni u l-ekonomija kreattiva. 

Il-Kunsill Malti għall-Arti se jkun ukoll qiegħed jorganizza s-sitt edizzjoni tal-Premju għall-Arti li se jkollha bidliet fil-premji tagħha sabiex il-Premju jiriffletti aktar lis-settur. Is-sitt edizzjoni tal-Premju għall-Arti se tittella’ f’Diċembru 2023, il-linji gwida l-ġodda se jiġu ppubblikati f’Ġunju 2023. 

More in Socjali