Dun Anġ Seychell | Għaliex l-Afrikani qed jixxenqu għall-Ewropa

Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nazareth

Għax l-Afrikani qed jitilqu mill-pajjiżi tagħhom u joqorbu lejn l-Ewropa?  Għax f’ħafna mill-pajjiżi Afrikani hemm il-ġlied bejn it-tribujiet, hemm il-koruzzjoni fi ħdan il-gvernijiet, l-isfruttament tar-riżorsi naturali, l-indħil barrani u ditti multinazzjonali.  Se nagħti ftit fatti.

L-Afrika tan-Nofs

Se nibda bl-Afrika tan-Nofs, wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja. Fih ilha għaddejja gwerra ċivili sa mill-2013 bejn it-tribu` Seleka, grupp armat imsejjah Iżlamiku u it-tribu` Antibalaka msejjaħ Nisrani u Animist. B`kollox f’dan il-pajjiż hemm 16-il-moviment ribelli.   Hija sitwazzjoni ta’ kaos u realta perikoluża.

Kienu l-missjunarji li fil-pajjiż ħolqu bank tat-tifdil u kull livel ta’ skola qabel l-universita’, il-fiera agrikola u hafna proġetti ohra.  Fil-gwerra ċivili li hemm bħalissa huwa l-missjunarji u mexxejja reliġjużi oħra li qed jinsistu li l-Insara u l-Musulmani u kredenti oħra għandhom jgħixu flimkien fil-paċi, kif kien qed iseħħ qabel fl-Afrika tan-Nofs.

Imma wieħed ma  jridx jinsa li 80% tal-pajjiż jinsab f’idejn ir-ribelli, allura l-gvern huwa  dgħajjef, l-ekonomija qed tbati l-konsegwenzi tal-gwerra ċivili, it-riżorsi naturali tal-pajjiż qed jintużaw biex jiffinanzjaw il-gwerra, fosthom ir-riżorsi tad-deheb, tad-djamanti, tal-petrol u l-koltan.

Bħas-soltu qed iħallsu z-zalza l-fqar.  Hemm 700,000 refuġjati ġol-pajjiż u 570,000 refuġjati barra l-pajjiż. Dan ifisser li wieħed minn kull erba’ tan-nies kellhom jabbandunaw djarhom.

L-Ex Kongo Belġjan

Insemmi  r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ex Kongo Belġjan.   Suppost intlaħaq ftehim biex issir elezzjoni fil-pajjiż, imma l-president Kabila ippreżenta l-kandidat tieġħu  u  l-kandidat ewlieni ta’ l-oppożizzjoni Moise Katumbi lanqas biss thalla jidħol fil-pajjiż!

Biex tagħqad, fiz-zona Kivu tal-Kongo faqqgħet l-epidemija Ebola u b’hekk fil-Kongo faqqgħu t-tliet flaġelli ta’ l-Afrika- il-faqar, l-epidemija  u l-gwerra.  Fil-Kongo hemm 127 grupp armat li jikkontrollaw ir-riżorsi naturali u jmexxu l-vjolenza u l-isfruttament ta’ dawn ir-riżorsi naturali. Jinsabu ndaħħlin id-ditti multinazzjonali kif ukoll il-pajjiżi ġirien li għandhom interess fil-kummreċ.  U l-fqar ikollhom iħallu djarhom biex flokhom jinfetħu minjieri  ġodda tar-riżorsi naturali!

Il-Kongo hu mera ta’ kontradizzjonijiet- huwa pajjiż mimli rikkezzi  naturali imma għandu poplu fost l-ifqar u l-iżjed abbużat fid-dinja!

Żewġ Aħbarijiet Tajba   

Tgħid  xejn dan l-ahhar kien hemm żewġ aħbarijiet tajba-il-paċi bejn l-Etjopja u l-Eritrea, b’inizjattiva tal-president il-ġdid ta’ l-Etjopja Abij Ahmed Ali, wara 20 sena ta’ gwerra bejniethom; u l-waqfien mill-ġlied bejn it-tribu` Dikma tal-President Kiir u t-tribu` Nuer tal-Viċi president Riek Machar fis-Sudan T’isfel.

F’dal-pajjiż ġdid, jismu is-Sudan T’Isfel hemm il-ġuħ u nuqqas ta’ ikel f’livelli drammatiċi.

L-Eritrea spiċċat għarkubtejha mill-gwerra li kellha ma’ l-Etjopja. Sal-1998 kienet qed tavanza b’ritmi ta’ żvilupp l-iżjed għolja tul il-kontinent Afrikan, imma il-ħakma tal-President Isaias Efewerki, il-pajjiż ħa xejra despotika u ripressiva u ħafna mill-popolazzjoni bdiet taħrab lejn l-Etjopja u s-Sudan jew telqet lejn id-deżert tas-Saħara u l-Mediterran biex tibqa’ sejra l-Ewropa, għax il-ħajja fil-pajjiż saret insopportabbli, speċjalment għaż-żgħażagħ, li kienu kostretti jagħmlu lieva militari li tieħu ħafna snin.   Ħafna mit-traffikar ta’ bnedmin u ta’ mejta fid-deżert u fil-baħar kienu Eritreani.

Boko Harem

Ta’ min isemmi wkoll il-grupp terrorista Boko Harem li fin-Niġerja kien ħataf f’idejħ 276 tfajla tar-razza Chibok li għad għandu f’idejħ 100 minnhom, imma il-lum dal-grupp  terroristiku jinsab imdgħajjef  ħafna, risultat tal-ħidma flimkien ta’ l-ezerċi tan-Niger, tan-Niġerja, taċ-Chad u tal-Kamerun, li flimkien għalqu f’morsa lit-terroristi.

U l-missjonarji innotaw fenomenu li ma kienx jeżisti sal-1996- dak tat-tfal mitluqa mingħajr dar jew ġenituri.

More in Socjali