Editorjal | Bankina ta’ pensjonant kontra l-ġungla tal-ippjanar

Il-multa imposta fuq pensjonant li poġġa bank quddiem daru reġgħet qajmet id-dibattitu dwar jekk l-infurzar tal-liġijiet tal-ippjanar hux qed jiġi applikat bl-istess mod għal kulħadd, hekk kif każijiet ta' żviluppi ferm akbar u aktar kontroversjali jkomplu jqajmu mistoqsijiet

Id-deċiżjoni riċenti li rat pensjonant ta’ 74 sena mill-Imqabba mmultat €1,164 u ordnat ineħħi bank żgħir li kien poġġa barra daru qajmet diskussjoni usa’ dwar il-mod kif qed jiġi applikat l-ippjanar f’Malta. Il-Qorti sabet li l-bankina u oġġetti oħra kienu qed jostakolaw passaġġ dejjaq u għalhekk ordnat it-tneħħija tagħhom.  

Naturalment, il-liġi trid tapplika għal kulħadd. Jekk struttura jew oġġett jitqiegħed mingħajr permess u jfixkel lill-oħrajn, l-awtoritajiet għandhom dmir jinfurzaw ir-regoli. Iżda l-kontroversja ma tinsabx fid-deċiżjoni nnifisha; tinsab fil-kuntrast evidenti bejn il-ħruxija tal-infurzar kontra ċittadin ordinarju u t-tolleranza li ħafna drabi tidher fil-konfront ta’ żviluppi ferm akbar u aktar kontroversjali. 

Matul dawn l-aħħar snin, Malta rat numru ta’ każijiet fejn proġetti kontroversjali ngħataw il-permess minkejja oġġezzjonijiet qawwija minn residenti, kunsilli lokali u għaqdiet ambjentali. Fosthom hemm l-approvazzjoni ta’ 275 unità residenzjali fuq sit ta’ barriera abbandunata fin-Naxxar, deċiżjoni li qanqlet kritika dwar l-impatt fuq l-ambjent urban u l-infrastruttura tal-madwar.  

Aktar reċenti, permess kontroversjali għal żvilupp residenzjali fil-wied tal-Kalkara, li kien skada wara li ma bdewx ix-xogħlijiet, reġa’ ngħata l-ħajja permezz ta’ avviż legali li estenda l-validità ta’ eluf ta’ permessi. B’hekk, żvilupp li kien meqjus minn ħafna bħala magħluq seta’ jerġa’ jitwettaq mingħajr il-ħtieġa ta’ valutazzjoni ġdida sħiħa.  

Fl-istess waqt, il-gvern ressaq riformi li jippermettu lil sidien ta’ żviluppi illegali, inkluż f’żoni barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ), japplikaw għal konċessjonijiet jew regolarizzazzjoni wara l-ħlas ta’ multi sostanzjali. Kritiċi ddeskrivew dawn il-miżuri bħala forma ta’ amnestija għall-abbużi tal-passat. Barra minn hekk, rapporti indikaw li aktar minn 160 każ ta’ żvilupp illegali ilhom snin sħaħ mingħajr infurzar effettiv minkejja li ntlaħaq il-limitu massimu tal-multi.  

Dil-ġimgħa, sirna nafu li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tirrakkomanda s-sanzjonar ta’ swimming pool f’Ta’ Sannat, mibnija minn Joseph Portelli, u li kienet iġġudikata illegali.   

Dan kollu joħloq problema ta’ fiduċja. Meta ċittadin jara pensjonant jiġi mmultat għal bankina waqt li żviluppi massivi, illegalitajiet antiki jew permessi kontroversjali jkomplu javvanzaw, inevitabbilment jistaqsi jekk il-miżien tal-ġustizzja hux qed jiżen bl-istess mod għal kulħadd. 

L-isfida għall-awtoritajiet mhijiex biss li jinfurzaw il-liġi, iżda li juru li l-istess standards japplikaw kemm għall-bankina quddiem dar żgħira kif ukoll għall-krejnijiet li jbiddlu l-orizzont tal-pajjiż. Mingħajr dik il-konsistenza, il-perċezzjoni ta’ żewġ piżijiet u żewġ miżien se tibqa’ tikber. 

 

More in Politika