Editorjal | Jenħtieġ strateġija nazzjonali fuq is-solitudni

Li għadna ma nistgħux nifhmu għalfejn il-bżonn ta’ liġi fuq is-solitudni. Li tqajjem kuxjenza soċjali ma jenħtieġx leġiżlazzjoni. 

Il-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa ressaq fil-Parlament Private Member’s Bill dwar is-solitudni. Dan l-Abbozz ta’ Liġi, skont l-Oppożizzjoni, għandu l-għan li jħeġġeġ aktar ħidma u impenn mill-politiċi fil-ġlieda kontra din l-epidemija moderna. 

Din kienet parti mill-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali 2026 organizzata minn Ivan Bartolo, kelliem tal-PN għall-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, il-ġliedakontra l-faqar u s-solitudni. 

Hu qal li s-solitudni mhijiex limitata għall-anzjani, iżda taffettwa nies minn kull qasam tal-ħajja. Insista li rridu nkomplu naħdmu biex niżguraw li ħadd majħossu minsi. 

S’hemmhekk naqblu. Naqblu li ssib persuni żvantaġġati kullimkien, f’kull familja, kull komunità, kull post tax-xogħol u kull istituzzjoni. Naqblu li nistgħu uhemm bżonn nagħmlu iżjed biex ngħinu lil nies vulnerabbli. 

Li għadna ma nistgħux nifhmu għalfejn il-bżonn ta’ liġi fuq is-solitudni. Li tqajjem kuxjenza soċjali ma jenħtieġx leġiżlazzjoni. 

L-abbozz tal-PN jinkludi miżuri biex jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-NGOs bħala “pilastru ewlieni għall-benesseri tas-soċjetà Maltija”.  

Kliem sbieħ, u l-għan warajhom wieħed nobbli, iżda ftit sustanza fuq kif eżatt l-ispirtu ta’ dan l-abbozz jista’ jiġi effettwat fil-prattika, jekk jiġi approvat. 

Figuri fuq is-solitudni u l-benesseri soċjali ma tantx jagħtu stampa sabiħa, vera. Rapport tal-Università ta’ Malta fl-2019 sab illi madwar 44% tal-popolazzjoni tesperjenza forma ta’ inġustizzja soċjali. Meta niġu għall-2022, din ir-rata telgħet għal 54%.  

F’intervista fuq XTRA ma’ Saviour Balzan, Bartolo qal li llum 51% tal-popolazzjoni qiegħda tgħix fis-solitudni, inkluż 5% li qegħdin jgħixu fis-solitudnisevera. Dawn ma joħorġux mid-dar u anke jwettqu attakki fuqhom infushom. Għalhekk jixtieq li dan l-abbozz iseħħ, qal. 

Iżda xorta ma nistgħux nifhmu xi jrid li tagħmel il-liġi eżattament.  

Sforzi simili saru f’pajjiżi oħrajn. Fl-2018, ir-Renju Unit ħatar l-ewwel “ministru għas-solitudni” fid-dinja, biex jonora l-wirt ta’ ħidma tal-MP Jo Cox likienet inqatlet fl-2016. Dal-ministru jissorvelja strateġiji inkluż il-“preskrizzjoni soċjali”, fejn tobba jirreferu pazjenti għal gruppi komunitarji minflokmediċina biss. U f’Ottubru 2018, il-gvern tar-Renju Unit sar l-ewwel fid-dinja li ppubblika strateġija għat-tnaqqis tas-solitudni. 

Il-Ġappun ippubblika strateġija dwar is-solitudni u l-iżolament fi Frar 2021, bħala risposta għaż-żieda fir-rati ta’ suwiċidju aggravati mill-iżolament tal-pandemija Covid-19. Din tiffoka fuq il-prevenzjoni tas-suwiċidju, l-appoġġ lill-anzjani li jgħixu waħedhom, u l-indirizzar tal-hikikomori, persuni li jirtirawruħhom soċjalment. 

Il-Ġermanja wkoll nediet Strateġija Nazzjonali kontra s-Solitudni fl-2023. 

Id-differenza ma’ Malta hija li dawn kienu strateġiji komprensivi, bi pjanijiet fuq medda ta’ snin.  

U forsi hawn fejn ġera l-Partit Nazzjonalista. Forsi minflok abbozz ta’ liġi kien ikun aħjar kieku nieda qafas għal strateġija nazzjonali li tkun miftuħa għaldjalogu u input mill-oqsma kollha konċernati. 

Ħa nkunu ċari. L-impenn tal-PN, Bartolo partikolarment, li tefa’ dawl fuq dan is-suġġett huwa meritevoli. Hemm bżonn li d-diskussjoni fuq is-solitudni ma tkunx limitata biss għal ġimgħa ta’ attivitajiet. Trid issir iktar mainstream, ħalli jkompli jitfarrku t-taboos u l-preġudizzji.  

Iżda dan l-abbozz forsi ma kienx l-għodda ġusta biex dan iseħħ. Nittamaw li dan ikun biss l-ewwel pass li jista’ jwassal għal pjan konkret u fit-tul li jkun appoġġat minn kulħadd. 

 

More in Politika