Editorjal | M’aħniex ħażin daqskemm naħsbu
Kultant nimmaġinaw li rridu nsiru perfetti meta nafu lkoll li din mhux possibbli
M’aħniex ħażin daqskemm naħsbu. M’aħniex perfetti u forsi għalhekk importanti li jasal il-Karnival biex nidħqu ftit bina nfusna. U forsi xi kultant nimmaġinaw li rridu nsiru perfetti meta nafu lkoll li din mhux possibbli. Ejja għal darba napprezzaw il-limitazzjonijiet u l-kisbiet tagħna. Iċ-ċokon ta’ pajjiżna, in-nuqqas ta’ riżorsi, kif ukoll il-popolazzjoni kbira, jagħmlu l-affarijiet aktar diffiċli.
Irridu napprezzaw li f’dan il-pajjiż żgħir għandna l-ġid u anki l-opportunitajiet. Xogħol, negozji mexxejja, edukazzjoni, kura medika tajba, postijiet għar-rikreazzjoni, pajjiż modern u konnettività għal pajjiżi oħra.
Għandna wkoll pajjiż demokratiku, sistema ġuridika indipendenti u pajjiż ħieles u tolleranti.
Problemi għandna kemm trid u anke ftit medjokrità, imma xejn differenti minn pajjiżi oħra. Ħafna drabi ninsew li, pereżempju, it-traffiku u l-bini huwa frott tal-mod kif qed ngħixu u tal-andament tal-ekonomija.
Li huwa żgur hu li jekk irridu għandna l-lussu li nieqfu ftit u nikkontemplaw sew fuq il-futur ta’ pajjiżna u fuq l-għażliet li rridu nieħdu.
Jekk nieħdu spunt mill-istqarrija tal-ADPD dwar capping għat-turiżmu, nistgħu nifhmu eżattament xi rridu nfissru b’għażliet differenti.
Huwa veru li l-ADPD huwa partit irrelevanti imma ħafna mill-argumenti ta’ dan il-partit ta’ erbgħa min-nies mhumiex.
Jekk l-Awtorità tal-Ippjanar, il-MTA u l-banek ma jifformulawx policy ċara ta’ fejn sejrin bit-turiżmu u nkomplu noħorġu permessi u self għal lukandi ġodda, mela verament qisna vapur mingħajr boxxla. Qisna mhux qed nagħrfu li l-kwalità trid tiġi qabel il-kwantità.
Ekonomikament verament sejrin tajbin, imma huma f’każijiet bħal dawn li rridu nużaw moħħna u ma niklux iktar milli nistgħu nieklu.
Malta trid issib l-aħjar mod kif timxi ’l quddiem. Irridu nkunu konxji mill-fatt li mhux kollox għal dejjem. Irridu nikkalibraw il-kostruzzjoni, l-igaming u s-servizzi finanzjarji. Irridu naraw kif nippjanaw u f’liema direzzjoni rridu nieħdu l-edukazzjoni. Irridu wkoll neżaminaw id-dipendenza fuq ċerti setturi.
Għandna bżonn ħassieba u ekonomisti biex ifasslu pjan reali għall-futur.
Malta għamlet il-mirakli minħabba l-kapaċità u r-reżiljenza tal-Maltin u l-bżulija tagħhom.
Irridu noqogħdu attenti li ma noqtlux it-tiġieġa li tbid il-bajd tad-deheb.
Ċert li kapaċi ma nagħmlux dan l-iżball.
