Sitt snin ta’ tmexxija ta’ Robert Abela: stabbiltà, kuraġġ, u pedament għall-futur
Ramona Attard hija Deputat Parlamentari Laburista
Jekk hemm kelma waħda li żgur tibqa’ marbuta mas-sitt snin ta’ tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, hija l-istabbiltà.
Il-Partit Laburista bħala moviment baqa’ magħqud u b’direzzjoni waħda, dik li joffri stabbiltà fil-pajjiż. L-istabbiltà kienet essenzjali fis-snin immarkati minn sfidi bla preċedent, b’pandemija globali, konflitti internazzjonali, kriżijiet fl-enerġija, u inflazzjoni qawwija.
Din l-istabbiltà ma ġietx b’kumbinazzjoni. Ġiet minn stil ta’ tmexxija li ma jitfixkilx mal-ewwel maltempata, li jżomm l-għan ċar u joffri serħan il-moħħ lin-nies. Filwaqt li oħrajn għażlu t-tħarbit, in-nuqqas ta’ direzzjoni u bidliet bla waqfien, il-Gvern immexxi minn Robert Abela żamm direzzjoni waħda, dik li nkomplu nibnu ekonomija b’saħħitha li tippermettilna nagħmlu budget wara l-ieħor b’mod responsabbli, innaqqsu l-piż fuq il-familji u nkomplu ninvestu f’servizzi u opportunitajiet.
Fl-attività tal-Ġimgħa li fakkret is-sitt snin tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru, Robert Abela reġa’ mar lura għall-bidu, għall-mument li fih il-Partit Laburista fdah bit-tmexxija, u hu wieġeb għal dik il-fiduċja b’qafas ta’ stabbiltà nazzjonali li ħafna pajjiżi oħra f’dawn is-snin iddispjaċiehom li ma kellhomx.
Sinjal ċar ta’ tmexxija b’saħħitha hu li, minkejja x-xokkijiet, pajjiżna baqa’ miexi u baqa’ protett. U dan hu rifless f’deċiżjonijiet li jolqtu direttament il-ħajja tal-familji u l-ħaddiema, bħal servizzi tas-saħħa b’xejn, trasport pubbliku u tal-iskejjel b’xejn, childcare b’xejn, żieda fl-istipendji, laptops lill-istudenti, u l-ħlas tal-miżati ta’ ċerti eżamijiet. Dawn mhumiex biss miżuri, huma ċavetta li jnaqqsu l-piż minn fuq il-familji u jgħinu biex kull tifel u tifla jkollhom ċans aħjar f’ħajjithom.
L-istess jgħodd għall-anzjani. Il-Prim Ministru fakkar kif il-pensjoni minima kompliet tiżdied u li, fuq medda ta’ sitt snin, żdiedet b’madwar sitt ewro kuljum. Għall-anzjani, dan mhux numru imma jfisser aktar dinjità u serħan il-moħħ, jfisser li anzjan jista’ jgħix aħjar, jiltaqa’ ma’ sħabu, jgħin lil uliedu u jgawdi lin-neputijiet tiegħu b’inqas tħassib.
Il-Prim Ministru ħabbar li s-sena 2026 se tkun is-sena tal-azzar, sena li fiha noħolqu pedament sod u li fuqu tinbena viżjoni nazzjonali ta’ 25 sena, Viżjoni Malta 2050.
Il-metafora tal-azzar tiġbor fiha żewġ dimensjonijiet li għalija huma importanti ħafna.
L-ewwel waħda hija l-kuraġġ li tieħu deċiżjonijiet. Pajjiżna għandu storja ta’ nies li, f’mumenti ta’ diffikultà, għażlu l-progress minkejja l-pressjonijiet u l-kritika minn fazzjonijiet konservattivi . Kien hemm żminijiet fejn ċerti għażliet politiċi jew soċjali kienu jġibu magħhom stigma, esklużjoni, u pressjoni kbira fuq individwi u familji. Minn dawk iż-żminijiet, Malta tgħallmet lezzjoni ċara: li l-progress ma jiħux nifs jekk ma jkunx hemm min jibqa’ jimbotta ’l quddiem b’kuraġġ u b’fiduċja fil-ġustizzja.
It-tieni dimensjoni hija d-determinazzjoni li tibqa’ tħares ’il quddiem, anke wara snin ta’ maltemp internazzjonali. L-azzar mhux biss saħħa; huwa wkoll reżiljenza, il-ħila li tibqa’ wieqaf, li tibqa’ taħdem, li tibqa’ tibni. U din ir-reżiljenza llum għandha tissarraf f’Malta ta’ futur li joffri aktar karrieri ta’ kwalità, aktar innovazzjoni, u aktar kwalità fil-ħajja ta’ kuljum.
Kull darba li sejjaħli l-Prim Ministru, kemm biex inkun il-President tal-Partit Laburista u minn sena ilu ’l hawn biex inkun fil-Parlament, weġibt iva u minkejja li għandi l-pressjonijiet tiegħi bħala omm ta’ tlett itfal u persuna li għandha professjoni. Għedt iva għal raġuni waħda ewlenija – l-opportunità li naħdem f’tim li nħalli Malta stabbli u mimlija opportunitajiet għat-tfal tiegħi u għat-tfal kollha ta’ pajjiżna.
L-istabbiltà mhijiex biss kelma politika. Għall-ġenitur, stabbiltà tfisser li t-tfal tiegħek ma jqumux kuljum b’biża’ li l-futur tagħhom jinbidel mal-ewwel riħ. Tfisser li bħala familja, tista’ tippjana, taħdem, u tikber b’serenità.
Għalhekk, il-messaġġ tal-Prim Ministru dwar pedament tal-azzar jikkonferma li l-futur li qed nibnu għandu jkun futur li jħares lejn ġenerazzjonijiet sħaħ: futur sabiħ, sigur u b’art fertili ta’ opportunitajiet.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar politika progressiva li ma tfissirx biss aktar ġid, imma wkoll aktar ħin u aktar kwalità ta’ ħajja.
Il-miżuri dwar work-life balance huma kruċjali, il-ġranet addizzjonali ta’ leave meta l-festi pubbliċi jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, it-tisħiħ ta’ ċerti tipi ta’ leave bħall-miscarriage leave, u rikonoxximent akbar tar-realtajiet tal-familji tal-lum inkluż fejn jidħlu ċ-ċirkostanzi relatati ma’ IVF u surrogacy. Dawn huma passi li jagħrfu li l-ħajja tal-familja u s-saħħa mentali huma daqstant importanti daqs l-ekonomija.
Imma issa rridu nkunu ċari. L-aktar mistoqsija importanti llum mhijiex biss x’wettaqna imma x’se nwettqu. Il-fażi li jmiss għandha tkun waħda fejn it-tkabbir ekonomiku jissarraf aktar fi kwalità, karrieri aħjar, ħajja aħjar, u aktar spazji pubbliċi għall-familji.
L-impenn ċar li ċerti siti u spazji b’valur storiku jew komunitarji għandhom jerġgħu jinfetħu għall-poplu, bħal kif kien imħabbar il-Ġimgħa, li Forti San Salvatur fil-Birgu se jinfetaħ, huwa impenn li jgħaqqad il-wirt kultarali mal-komunitajiet tagħna.
Fuq skala akbar, il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir mhux biss jitkellem fuq bidla fiżika, iżda fuq opportunitajiet ġodda, anke ta’ impjiegi u investiment, speċjalment fin-naħat tan-Nofsinhar ta’ Malta.
Dan kollu jista’ jsir jekk nibqgħu ffukati u magħqudin. Pedament tal-azzar ma jinbeniex minn persuna waħda; jinbena minn moviment sħiħ: minn dawk li jaħdmu, minn dawk li jisimgħu, minn dawk li jieħdu r-responsabbiltà u jibqgħu jħarsu lejn il-ġid komuni.
Ir-responsabbiltà tagħna hi li ma naħdmux biss għall-preżent, imma li nħallu Malta fertili b’opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
L-2026 hi s-sena tal-azzar, nagħmluha sena ta’ determinazzjoni, ta’ viżjoni, u ta’ progress li jinħass minn kulħadd.
