Stennija u aspettattivi fl-2026
Edward Zammit Lewis huwa membru parlamentari Laburista
Ambjent u żvilupp
M’hemmx dubju li dawn se jkunu suġġetti li se jkunu topiċi għal din is-sena li għadna kif bdejna. B’xorti tajba, illum iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin m’għadhomx iħarsu biss lejn il-flus jew l-impjiegi tagħhom. Dawn illum taħt amministrazzjonijiet Laburisti saru ċertezzi u m’għandhomx għalfejn jinkwetaw dwarhom. Illum qed iħarsu lejn spazji miftuħa u lejn l-ambjent li tant sar importanti għalihom u bir-raġun.
Seħħ ħafna fis-sena 2025 u kburi li jiena personalment ikkontribwejt sabiex il-Gvern tefa’ rasu aktar iffokat fuq is-settur tal-ambjent aktar minn qatt qabel. Din m’hemmx dubju li hija xi ħaġa pożittiva u b’hekk is-sena 2026 tkun sena għall-ambjent fejn hekk niggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna li mhux neċessarjament tissarraf fi flus.
L-istess japplika għas-settur tal-iżvilupp u l-industrija tal-kostruzzjoni. M’hemmx dubju li f’dan l-aħħar snin din l-industrija għamlet passi ta’ ġgant ’il quddiem u ssarrfet f’ġid li gawda minnu kulħadd. Min-naħa l-oħra din għandha tiġi irregolata sew u hekk qed isir. Seħħew wisq imwiet f’dan is-settur u dan għandu kemm jista’ jkun jieqaf! Fl-2026 għandu jinżamm aktar bilanċ raġjonevoli f’dan ir-rigward, filwaqt li xorta waħda jinżamm ċertu ritmu għal din l-industrija.
Politika parlamentari
M’hemmx dubju li għandu jibqa’ għaddej ix-xogħol parlamentari. Isir ħafna xogħol li ċ-ċittadini qajla jindunaw bih. Dan hu importanti ferm għad-demokrazija parlamentari tagħha. Ix-xewqa tiegħi, li tant inħobb il-Kamra tad-Deputati, hi illi l-MPs taż-żewġ naħat ikunu aktar ippreparati għad-dibattiti u l-Parlament ikun aktar il-forum fejn ikun hemm diskussjoni tajba dwar l-isfidi li qed jaffaċċju ruħu bihom pajjiżna.
Fl-2026 nistenna li l-Parlament u l-istrutturi tiegħu jibqgħu jissaħħu. Irrid ngħid li seħħ ħafna bl-għajnuna tal-Gvern mis-sena 2013 ’il quddiem u bl-enerġija u d-determinazzjoni tal-Onor. Dr Angelo Farrugia. Nawgura li nibqgħu naħdmu f’tali direzzjoni.
Politika barranija
Fl-2025, u anke ftit qabel, m’hemmx dubju li nbidel ix-xenarju għalkollox tal-politika, mhux biss Ewropea, iżda wkoll dik interneazzjonali. L-alleanzi li kbirna fihom u li nafu bihom li nibtu minn wara t-tieni Gwerra Dinjija qed jintilfu u x-xenarju qed jinbidel għalkollox.
Hawnhekk qed nirreferi għal dak li qed iseħħ mill-pożizzjonijiet li qed tieħu l-Istati Uniti tal-Amerka taħt il-President Trump u dak li qed iseħħ fl-Ukrajna, fil-Palestina u fil-Venezwela. Dan ċertament qed ibiddel kollox u nemmen, b’xorti ħażin, li l-2026 se tkun waħda imprevedibbli f’dan ir-rigward.
Dan ipoġġi sfida kbira għal pajjiż sovran u newtrali bhal Malta, kemm bħala pajjiż fil-Mediterran, Membru-Stat tal-Unjoni Ewropea u membru attiv tal-komunità internazzjonali. Malta wriet li għalkemm newtrali m’għandhiex u mhux qiegħda tkun passiva għall-iżviluppi ta’ madwarha. Din hija ħaġa tajba.
Min-naħa tiegħi, ix-xewqa hija ċertament li jieqaf dak li qed iseħħ, kemm fl-Ukrajna, kif ukoll fil-Palestina sal-aħħar ta’ din is-sena, u anki dak li jseħħ fid-dinja, anke minn min huwa b’saħħtu, iseħħ b’rispett lejn id-dritt internazzjonali u taħt id-direzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Jekk ma jseħħx hekk u mingħajr ma nkun allarmista żżejjed, nistgħu niġu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt li jinfirex b’mod mondjali. Għalhekk m’hemmx dubju li f’dan ir-rigward is-sena 2026 se tkun waħda ta’ sfida!
Unjoni Ewropea
M’hemmx dubju li l-2026 se tkun sena ta’ sfida kbira għal din l-Unjoni minn diversi aspetti. L-Unjoni qed tfittex li ma titlifx ir-rilevanza tagħha fil-kamp internazzjonali fix-xenarju li nbidel sew. Is-sena 2025 ma kinitx sena tajba għall-Mexxejja tal-Istituzzjonijiet tal-UE għaliex tilfu ħafna mir-rilevanza tagħhom u ma kinux effettivi. Jidher ċar li fuq livell Ewropew, b’xorti ħażina, hemm kriżi ta’ kompetenza fit-tmexxija.
L-UE għal dawn l-aħħar snin qiegħda ssib ma’ wiċċha sfida kbira sabiex l-Unjoni tkun forza kompetittiva meta kkomparata ma’ forzi oħra fuq livell dinji. Hemm bżonn li l-Ewropa jirnexxilha tikber ekonomikament u toħloq aktar impjiegi għaċ-ċittadini u ż-żgħażagħ tagħha.
Hemm sfida kbira oħra fuq ix-xefaq li huwa l-baġit il-ġdid tal-Unjoni għas-snin tal-2028 sal-2034. Din hija sfida sabiex l-UE tibbilanċja l-affarijiet u l-prijoritajiet tagħha, anke fi sfond li trid iżżid l-ispiża b’mod kbir għad-difiża tagħha. Dan m’għandux inaqqas mill-missjoni soċjali tal-UE msejsa fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u dan sabiex iċ-ċittadini u r-reġjunin l-aktar żvantaġġjati tal-Unjoni jibqgħu jingħataw sostenn sod ħalli jitneħħew l-inugwaljanzi mill-istess Unjoni. Dan qed jingħad ukoll fi sfond ta’ sfida kbira li għandha l-Unjoni b’dawk il-pajjiżi li qed iħabbtu l-bieb tagħha sabiex isiru membri sħaħ. Hemm bżonn li l-Unjoni jkollha proċess ċar, meritokratiku u prevedibbli ħalli dan iseħħ f’time frame miftiehem jekk dak il-pajjiż dejjem jissodisfa tali rekwiżiti għad-dħul. Jekk mhux se jsir dan, wisq nibża’ li ċerti pajjiżi li lihom jistennew jibdew fis-sena 2026 iħarsu band’oħra.
Elezzjoni ġenerali
L-2026, aktar iva milli le, se tkun is-sena tal-Elezzjoni Ġenerali. M’hemmx dubju li dan l-appuntament ibiddel l-affarijiet, kemm fil-mod kif jirreaġixxi l-Gvern, kif ukoll iż-żewġ partiti politiċi ewlenin. Bħal dejjem, se tkun elezzjoni miġġielda, speċjalment meta fil-PN kellek bidliet riċenti li wieħed irid jara r-riżultati tagħhom, kemm mil-lat jekk hux pożittiv jew negattiv, kif ukoll mil-lat ta’ Gvern Laburista li wettaq tant ġid però li ilu fit-tmun tal-pajjiż issa għal dawn l-aħħar 13-il sena. F’dan il-kamp se jilgħab ċar il-fatt li llum għandek il-PM Robert Abela bi track record sod, ma’ kompetitur li għadu jrid juri x’jaf fl-aktar test iebes għalih.
Prim Imħallef
L-2026 se tkun is-sena fejn jinħatar Prim Imħallef ġdid. Kariga mill-aktar importanti f’pajjiżna. Kariga li l-aħħar li kellna tali ħatra kien f’Ottubru tal-2020. Hemmhekk għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna kellna Prim Imħallef maħtur b’mod unanimu permezz ta’ vot fil-Kamra tad-Deputati.
Xewqa tiegħi hija li ż-żewġ mexxejja politiċi jilħqu maturità politika li tkun l-aħjar għażla ta’ Prim Imħallef tajjeb li fuq kollox ikollu statura anke li jirrappreżentana barra minn xtutna u jkollu kapaċitajiet amministrattivi li joħloq iċ-ċaqliq fil-qrati tagħha sabiex jibdew igawdu mill-fiduċja wkoll tal-poplu inġenerali! Nixtieq nara l-emenda li jiena għamilt fis-sajf tal-2020 issa fil-prattika għall-ewwel darba u li tissarraf għal aktar saħħa u indipendenza tal-ġudikatura f’pajjiżna. Hekk jagħmel minn verament jemmen fis-saltna tad-dritt, lil hinn mill-ħafna paroli li nisimgħu!
