Il-liġi internazzjonali skont Donald J Trump
Trump iddeċieda biex jinjora l-liġi internazzjonali billi ħataf il-koppja Maduro
Fil-ħemda tal-lejl, forzi speċjali Amerikani attakkaw u ħatfu l-President ta’ pajjiż sovran. Minkejja li Nicolas Maduro, il-President tal-Venezwela qatt ma kellu l-appoġġ universali, la f’pajjiżu u lanqas fid-dinja, l-indħil militari ta’ Trump huwa inkwetanti. U jkompli jikkonferma l-politika faxxista li qed jimponi l-Gvern Amerikan immexxi minn Trump fuq il-kumplament tad-dinja. Min jippruvah ipinġih ta’ xi paċifista naħsbu li għadu ma fehem xejn it-tifsira tal-paċi.
Trump iddeċieda biex jinjora l-liġi internazzjonali billi ħataf il-koppja Maduro. Dan issa se jitressaq fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga, u dan fl-istess nifs li Donald J Trump ħafer lill-Eks President tal-Honduras li kien fil-ħabs fl-Istati Uniti fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga minn pajjiżu għall-Istati Uniti. Il-liġi skont Trump tikser kull forma ta’ rispett għal-liġi internazzjonali. Bdiet billi
l-Istati Uniti ħadu l-liġi f’idejhom u splodew dgħajjes f’ibħra internazzjonali għax allegatament kienu qed jittraffikaw id-droga.
Li tidħol ġo pajjiż u taħtaf kap politiku hija xi ħaġa li mhix aċċettabbli. Stennew li jkollna reazzjoni fjakka mill-Unjoni Ewropea u wisq aktar mill-Gvern Malti li sa ftit ilu stqarr li se jipproponi l-Premju għall-Paċi għal Donald J Trump.
L-aggressjoni Amerikana twassalna nistaqsu: Liema pajjiż huwa ħieles mit-tirannija u l-politika tal-Gvern Amerikan?
Trump, deskritt bħala erratiku u inkonsistenti meta sar President, wiegħed li l-Amerka ma kinitx se tfittex gwerer jew tieħu l-ġlieda tagħha barra l-pajjiż.
L-istorja wrietna li Trump għandu aspirazzjonijiet ibbażati fuq il-viżjoni tiegħu personali. Jekk fil-Brazil, għax Bolsanaro qiegħed il-ħabs, fit-Teheran għax hemm reġim affaċċjat minn protesti nazzjonali, u fi rkejjen oħra bħall-Ewropa
għax hemm gvernijiet liberali.
Imma l-Venezwela, bħall-Iran, għandha wkoll valur ieħor għal Trump – iż-żejt. U hawnhekk Trump lanqas jistħi juri l-interess tiegħu f’pajjiżi li għandhom indipendenza ekonomika. Bdejna s-sena bit-tajjeb. Meta jkun hemm inkwiet fid-dinja, ifisser inkwiet
għalina wkoll.
L-Amerka dejjem kien pajjiż mimli kontradizzjonijiet. Pajjiż bully. Pajjiż li jew tgħaddi tiegħu jew xejn. Pajjiż li jxerred politika ta’ biża’.
Pajjiż li wera ipokrezija liema bħala. Bdejna s-sena b’inkwiet li ma kellniex bżonnu. Ejja nittamaw flimkien li s-sena
ma tkomplix hekk.
