Editorjal | It-terremot Trump u t-Trumpiżmu
Trump kisser kull norma.
Donald J. Trump ġie elett president tal-Amerka b’mod demokratiku. Is-soltu dak li jiġri l-Istati Uniti ma tantx ikun mitkellem fil-kolonni tagħna. Imma lil hinn mill-kwistjonijiet lokali u l-politika żbaljata jew l-ekonomija ta’ suċċess jew inkella l-assalt fuq l-ambjent tagħna, Trump jibqa’ suġġett ta’ interess minħabba l-politika kontroversjali u salvaġġa tiegħu.
Trump, fuq kull livell, ixxokkja, u, fuq kollox, kisser dak kollu li kien ikkunsidrat sagru fil-politka. Tant huwa differenti li l-faxxinu tiegħu għal kulħadd jibqa’ massiċċ sewwa ma’ dawk li japprezzawh u ma’ dawk li jobogħduh.
L-ikbar kunsiderazzjoni fit-terremot Trump huwa l-effett fuq pajjiżi oħra kif ukoll kif l-istil politiku tiegħu qed jinfluwenza politiċi oħra tal-lemin. Fil-lexicon Malti dejjem konna nfissru persuna li jiġi mill-Amerka bħala ‘Amerikan’ bil-konnotazzjonijiet kollha negattivi li ridna napplikaw għall-karattru Amerikan: bombastiku, kiesaħ, dardira, u sinjur.
Trump kisser kull norma.
Mhux biss ħadha kontra r-riforma fil-qasam tal-ġeneru imma safrattant wassal biex anke jippremja lil min għamel ħażin, anki dawk li kienu kriminali. U kull min opponieh, għamel minn kollox biex ikissru. La hemm dinjità u lanqas irġulija f’dak li għamel.
Fl-applikazzjoni tat-tariffi, kieku uża l-kejl ekonomiku, forsi konna nifhmu l-argumentazzjoni f’moħħu, imma Trump applika kriterju fl-applikazzjoni skont kemm kellu simpatija lejn pajjiż jew politku, bħal fil-każ tal-Brażil.
B’mod xejn moħbi ndaħal fil-proċessi demokratiċi f’pajjiżi ġirien u ’l bogħod, fosthom tal-Arġentina u fil-Karibew. Imma lanqas kellu rimors jiddikjara s-simpatija għall-partiti fl-Ewropa li huma neofaxxisti jew inkella tal-lemin estrem.
Trump safrattant iddikjara li jrid il-Kanada, parti mill-Amerka u li Greenland se tkun parti mill-Istati Uniti.
Fil-Lvant Nofsani kompla bil-politika Amerikana li jappoġġa l-politika ta’ Iżrael fil-ġenoċidju tal-Palestinjani.
Agħar minn hekk, wera apprezzament fqir tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u b’għemilu saħħaħ id Vladimir Putin u kkontribwixxa għal imwiet bla bżonn.
Lil hinn mill-iskandli ta’ Jeffrey Epstein, Trump wera li kellu fibra morali mkejla skont l-ottika medjokri tiegħu. Fost oħrajn iddikjara gwerra kontra d-droga u mbagħad ħeles persuni li kienu kkundannati bit-traffikar tad-droga.
F’kull livell, u f’kull qasam Trump wera li kien persuna bla empatija. Anzi l-oppost, meta nqatlu b’mod kiefer nies magħrufa li kien jopponuh, minflok ma wera xi forma ta’ umanità, kompla jfajjar tgħajjir u insulti.
Trump wera wkoll antipatija lejn il-migranti. Din tista’ titqies bħala ironija meta tqis li l-Amerka huwa pajjiż tal-migranti u d-diversità. U wera wkoll apprezzament esaġerat għal min għandu l-flus. U iktar ma wieħed ikollu flus u tlellix, iktar isb rispett minn Trump.
U b’għemilu, ta nifs lil dawk il-politiċi li jemmnu li jistgħu jaġixxu kif jixtiequ huma, mingħajr rispett għas-saltna tad-dritt.
It-Trumpiżmu mhix ħolma imma hija theddida għal kull min jgħożż id-dritt għall-espressjoni u d-diversità. Trump huwa theddida għall-ħsieb ħieles.
Forsi l-ikbar konferma kif l-Istati Uniti qed isir stat faxxist immexxi minn persuna perikoluża hija l-obbligu li persuna li japplika għall-Visa għall-Istati Uniti jiddikjara l-kontenut tal-kontribut tiegħu u tagħha fuq il-media soċjali fil-ħames snin preċedenti.
Tant hu hekk, li persuni mill-Ewropa, magħrufa fil-qasam tal-ġurnaliżmu diġitali, diġà ġew miċħuda l-Visa biex iżuru l-Istati Uniti.
Minn pajjiż li kien ix-xempju tas-sewwa u l-libertà, l-Istati Uniti spiċċa pajjiż immexxi minn megalomanijaku perikoluż u faxxist.
Ma’ Malta ftit li xejn hemm rabta, ħlief għal żewġ karattri; persuna fis-segretarjat tiegħu li kien jgħix Malta, u l-oħra: il-proposta assurda mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti li Trump jiġi nnominat għall-premju tal-Paċi.
Tal-aħħar hija konferma kemm verament Malta u l-Maltin qed ngħixu f’bużżieqa għalina, distakkati mir-realtà kiefra ’l barra minn xtutna.
It-Trumpiżmu u Trump kienu għalhekk fil-ħażin kollu tagħhom il-wiċċ tal-2025.
