Carm Mifsud Bonnici | Sena kkumplikata
Carm Mifsud Bonnici huwa deputat Nazzjonalista
Waqt li nħallu warajna dawn it-tnax-il xahar, tajjeb nisiltu xi forma ta’ linja ta’ ħsibijiet. Nistaqsu aħna li ġarrabna x’sena kienet din tal-2025 għalina? Fiha rajna tibdil kontinwu li ġie aċċellerat f’partijiet u f’oħrajn segwa forom ta’ normalità.
Kien hemm fil-fatt aspettattiva għaliha minn dak li konna qrajna. Mhux fil-grad li fil-fatt rajna. Imma aktar u aktar fl-għarfien li għadna fil-perjodu fejn soċjalment u ekonomikament qed nirkupraw mill-effetti tal-pandemija. Is-snin li qattajna fiha biddluna u ħafna għadhom ma ġewx f’tagħhom mija fil-mija.
Diversi għadhom qed ifittxu n-normalità li kellhom. Oħrajn jidhru li qatgħu qalbhom u jinsabu mmexxija ’l quddiem minn avvenimenti li jafu li m’għandhomx kontroll fuqhom. F’ħafna sens, is-soċjetà tagħna qamet fi preżent li għadha ma tagħrafx ħlief il-passat.
Donald Trump
Minkejja kollox, wieħed għandu jħares lejn dak li nbidel fil-linji tal-politika barranija, fl-importanza tad-demokrazija, fl-ekonomija globali, fil-libertà reliġjuża, fil-protezzjoni tal-ambjent, u fil-proċessi varji lejn il-paċi.
F’dan kollu, ħadd ma seta’ jaħseb li l-Presidenza tal-Istati Uniti mmexxija għat-tieni darba mhux konsekuttiva minn Donald Trump kienet se tkun ‘normali’. Fil-fatt, biex iżżidilna l-kumplikazzjonijiet, daħal u kien preżenti kważi kull ġimgħa b’ideat differenti. Forza ta’ antistabbiltà u forsi wkoll lura lejn dak li kien. Bidla fil-politika barranija tal-pajjiż u dan affettwa sew diversi xenarji. Hemm min jaqbel ħafna u hemm min ferm inqas.
Għamel kampanja jiddikjara li se jġib il-paċi malajr u ħafna kienu konvinti. Qasam pajjiż u ġieb waħda ma’ dawk li tradizzjonalment kienu miegħu. Uża diskors li qatt ma smajna. Ma rnexxiex fl-Ukrajna s’issa u ġieb forma ta’ ftehim f’Gaża. Attakka l-kunċett ta’ kummerċ liberu li kien qiegħed jiżviluppa b’saħħa fil-proċess ta’ globalizzazzjoni bl-introduzzjoni ta’ tariffi li konna ilna ma naraw u li llum qiegħed jolqot l-ekonomiji u l-iżvilupp tagħna wkoll.
Papiet
Minkejja dan, kien hemm forzi kontinwi ta’ stabbiltà, uħud spiritwali, u oħrajn politiċi. Dik li l-Knisja Kattolika kienet u għadha. Forza ta’ paċi, rikonċiljazzjoni u li trid tieħu l-bniedem lejn il-verità ta’ dak li jixraqlu fid-dinjità li twieled biha. Dik li għaddiet ukoll minn tibdiliet.
Tul din is-sena tal-Ġublew immexxija u mibdija mill-Papa Franġisku, rajna fil-21 ta’ April il-mewt tiegħu. Bniedem li ġieb proċessi ta’ riformi interni u fl-għarfien aqwa lejn knisja miftuħa u li tħares li tipproteġi dawk l-iktar żvantaġġati fid-dinja. Dak li għexna miegħu l-mard li ħakmu. Ma kienx faċli ssib min jidħol ikompli.
Imma f’dawn ix-xhur mit-8 ta’ Mejju rajna papa ġdid: Robert Francis Prevost, li ħa l-isem ta’ Ljun XIV jintervjeni. Diskorsu u ħidmietu ma jistgħux jiġu traskurati u iktar ma jgħaddi żmien, iktar qiegħed ikabbar l-influwenza mondjali li diġà għandu. Ċar ħafna, loġiku, u determinat ikompli jkun vuċi soda għall-paċi u l-progress soċjali ġust. Preżenza akbar fl-għarfien li l-Insara fid-dinja għadhom persegwitati sew. Diversi jsegwuh u kliemu huma ankri ta’ ideat li jispiraw.
Xi Jinping
F’dan hemm aktar forza politika emerġenti li qed tiżviluppa kontinwament fil-permanenza tagħha. Mhux erratikament jew fit-toroq tal-instabbiltà imma bi proċess determinat. Bidliet interni u esterni kostanti li għandhom l-effett mondjali tagħhom. Pajjiż li qiegħed jibni klassi politika u amministrattiva li ftit stati u potenzi oħra għandhom. Waqt li f’oħrajn m’hemmx biżżejjed attenzjoni għall-edukazzjoni u formazzjoni, fl-esperjenza fiċ-Ċina ta’ Xi Jinping hemm.
Hemm klassi ta’ bnedmin li huma iktar speċjalizzati u kapaċi jkunu kompetituri ma’ oħrajn. Jafu kif jaħdmu s-sistemi demokratiċi tad-dinja. Esposti u fuqhom dan il-bniedem li dieħel fir-raba’ terminu tal-Presidenza tiegħu kkonsolida. Viżjoni ekonomika u ta’ struttura ta’ soċjetà li tilqa’ oħrajn u timxi ’l quddiem.
F’dan, din is-sena rat iktar din il-preżenza li tagħraf dak li għaddej u li d-dinja ma tistax tinjora.
L-Unjoni Ewropea
Hemm ukoll dak li qed naraw li seħħ fi ħdan l-Unjoni Ewropea li aħna parti minnha. Sena li kienet determinata minn tliet punti aktar importanti mid-diversi inizjattivi li l-kreattività Ewropea kapaċi tifhem u tibni.
L-ewwel id-difiża tad-demokrazija bħala valur il-European Democracy Shield, it-tieni fl-investiment fl-aspetti varji militari fil-Joint Defence Procurements, u t-tielet fl-aspett ambjentali sħiħ fil-Green Deal. Ewropa li tifhem li fil-preżent ma tistax tiddependi fuq l-Istati Uniti, kemm għall-appoġġ militari fin-NATO, kif ukoll fl-ippjanar fit-tul lejn il-futur mondjali. Waħda li qed tiġi attakkata proprju f’dak li hija u l-influwenza li għandha fl-għaqda tagħha u dan kemm mill-amministrazzjoni ta’ Donald Trump, kif ukoll dik tal-Federazzjoni Russa ta’ Vladimir Putin. Daqqiet li jridu tweġibiet imma fuq kollox l-għarfien li d-demokrazija hija l-element essenzjali biex il-bniedem jgħix fis-sewwa.
L-Unjoni Ewropea baqgħet tiġi mhedda u mgħajra, u fortunatament baqgħet soda u kompatta. Ikun żball li tiżżarma u f’dan kollu qiegħed jagħmel sew Keir Starmer, il-Prim Ministru Ingliż, li jimxi lura magħha u mhux ’il bogħod minnha.
Ambjent
Tul din is-sena, forsi ftit aktar minn ta’ qabel, kien hemm għarfien kemm huwa importanti li niddefendu l-klima u l-ambjent sħiħ tagħna. Ħadd mhuwa eżenti iktar u iktar f’dinja li tiċkien. Punt li jitlob aktar ħidma li saret s’issa. Waħda b’iktar determinazzjoni u persważjoni.
Dan aktar f’dinja fejn l-Amerka tul din is-sena żbaljatament ħarġet mit-trattat ta’ Pariġi dwar il-klima. Imma f’dan, minkejja l-pessimiżmu li għaddej, xorta hemm pass importanti ’l quddiem. Dik li hija magħrufa bħala Biodiversity Beyond National Jurisdiction Agreement jew ma’ oħrajn komunement il-Global Ocean Conservation Treaty, ġiet issa fis-seħħ.
Mill-bidu tas-sena li ġejja se tidħol fis-seħħ. Pass li se jgħin u li għandu jiġi mogħti attenzjoni.
Pajjiżna
Tul din is-sena, pajjiżna mess ma’ tibdiliet varji u ferm iktar milli dan l-artiklu fil-qosor tiegħu jista’ jikkonsidra. Biss kellu tliet passi partikolari tiegħu li missewh direttament.
L-ewwel bid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea fid-29 ta’ April li ddikjarat li l-iskema tal-Passaporti li kellna kienet kontra l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea; it-tieni bid-deċiżjoni li pajjiżna jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina; u t-tielet bil-bidu tal-proċessi penali fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ma’ dawn ċertament hemm il-bidliet politiċi li qed jiżviluppaw. Il-forma ta’ ‘eġemonija’ li l-Partit fil-poter kellu, iċċaqilqet mis-saħħa li kellha, kif il-Partit Nazzjonalista ħa d-deċiżjoni iebsa u sofferta li jibdel u jagħżel kap ieħor.
Ħarsa
F’dan kollu ma kienx hemm loġika li qed inħossu jew nagħrfu llum. Jista’ aktar fis-snin li ġejjin naraw li s-sena 2025 kienet parti minn proċess lejn stabbiltà li konna tlifna qabel.
Nistgħu nagħrfu però aktar kemm il-kunflitt fl-Ukrajna huwa importanti li jispiċċa u ma nibqgħux fil-perikli li qed ngħaddu minnhom.
Nistgħu nħarsu sabiex dak li għandna b’saħħtu ma nżarmawhx. L-iktar fil-valur tad-demokrazija li tibqa’ hemm u ma ċċedix għal dak li mitt sena ilu għaddiet minnu. Għax l-estremiżmi tal-lemin u tax-xellug jibqgħu hemm jattakkaw li għandna.
Nistgħu però f’dan kollu nagħrfu ċertament li din kienet sena ta’ kumplikazzjonijiet kbar. Nittamaw li fuq dak li lkoll ġarrabna nieħdu l-lezzjonijiet biex ikollna mis-sena li ġejja waħda aqwa.
